Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said jinsab determinat li jiffaċja l-isfida l-ġdida li għandu quddiemu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir fortizza fid-distrett ta’ Għawdex.
Waqt l-edizzjoni tal-bieraħ tal-programm Newsfeed, fuq NET Television, Chris Said esprima sentiment qawwi ta’ determinazzjoni min-naħa tiegħu. Hu spjega li aċċetta mill-ewwel li jidħol għal din l-isfida. Spjega li fi żmien xahar u nofs oħra, se jkun għadda x-xogħol lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid biex ikun jista’ jiffoka esklussivament fuq Għawdex.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjega li jħares lura lejn dawn is-sentejn li għaddew b’sodisfazzjon kbir. Qal li l-Partit għamel passi ‘l quddiem u llum għandu pedamenti fejn wieħed jista’ jkompli jibni. Fost l-ohrajn, ġiet indirizzata l-problema finanzjarja tal-kumpaniji tal-Partit, filwaqt li sar ristrutturar fl-istrutturi tal-Partit.
Waqt il-programm, Chris Said spjega li t-terminu ta’ Segretarju Ġenerali hu ta’ sentejn u għalhekk issa mhux se jkun qed jerġa’ jitfa’ n-nomina tiegħu.
Fit-22 ta’ Mejju li ġej, fil-Kunsill Ġenerali, se jiġu eletti l-membri l-ġodda tal-Kumitat Eżekuttiv, qabel ma joħorġu n-nomini għall-karigi kollha tal-Uffiċjali tal-Partit, fosthom tas-Segretarju Ġenerali, minbarra tal-Kap u l-Viċi Kapijiet.
In-nomini għall-elezzjoni tal-Eżekuttiv jagħlqu l-Ġimgħa li ġej f’12pm.
//= $special ?>