Lokali Parlament

Ebda skema ġdida f’sentejn li tindirizza l-isfidi tal-akkomodazzjoni soċjali

Ritratt mill-Arkivji

Dak li qiegħed jagħmel il-Gvern hu biss li jagħmel aktar sinjur lil min hu diġà sinjur, u aktar fqir lil min hu diġà fqir

Il-Gvern mhux qed jindirizza ħolistikament il-viżjoni sħiħa fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u qiegħed jaħdem billi jindirizza l-problemi biss ta’ kuljum iżda mhux fit-tul u b’viżjoni.

Fis-sentejn li għaddew ma ħoloq lanqas skema waħda ġdida, waqqaf ħesrem skema importanti bi sħubija mal-privat biex jiżdiedu l-postijiet għall-akkomodazzjoni soċjali mingħajr ma ħoloq skema alternattiva, u kontra dak li wiegħed li kien se jkun Gvern li jaħdem ma kulħadd warrab nies mill-Awtorità tad-Djar b’esperjenza u bi kwalifiċi.

Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, għamlet din il-kritika u l-iskrutinju tal-politika tal-Gvern fil-qasam tal-housing meta l-Parlament beda jkun diskuss ir-rapport tal-Awtorità tad-Djar li tressaq għad-dibattitu u l-approvazzjoni tal-Kamra.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-għan tal-Awtorità tad-Djar hu li ttejjeb il-ħajja u l-kwalità tan-nies li huma fil-bżonn. Iżda quddiem gvern li qiegħed jitlef il-boxxla soċjali, dak li qiegħed jagħmel il-Gvern hu biss li jagħmel aktar sinjur lil min hu diġà sinjur, u aktar fqir lil min hu diġà fqir.

Fakkret li dan hu gvern li ma ħasibiex darbtejn biex jagħti €4.2 miljun lil kumpanija li kienet tmexxi l-Cafè Premier, u €13,000 fix-xahar lil mara tal- Ministru li llum ħadd ma jaf x’inhi tagħmel u fejn qegħda. Gvern ukoll li ta €85,000 lil Cyrus Engerer wara li weħel sentenza ta’ ħabs sospiża.

Jogħlew il-kirjiet għal min hu f’riskju tal-faqar
Ix-Shadow Minister semmiet il-miżura bla qalb tal-Gvern kontra eluf ta’ familji li kellhom żidiet fenomenali fil-ħlasijiet tal-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali. Gvern li waħħal fid-Dipartiment tal-Propjetà li għolla l-kirjiet meta l-Gvern kellu l-fakultà li jissospendi d-dritt li jogħlew il-kirjiet għall-akkomodazzjoni soċjali kif kien għamel Gvern Nazzjonalista li m’għollihomx

Fissret li minflok ma ra l-istampa sħiħa ta’ min hu fil-bżonn u qiegħed fir-riskju ta’ faqar, il-Gvern ħa miżura li jgħolli l-kirjiet lil-familji f’riskju ta’ faqar. Gvern li mhux iħoss il-polz ta’ dawn il-familji.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Awtorità tad-Djar kienet qed tagħmel u għamlet suċċessi kbar f’pajjiżna. Konferma ta’ dan hu r-rapport annwali tal-Awtorità tad-Djar li jinsab għad-diskussjoni quddiem il-Parlament. Rapport li juri wkoll ix-xogħol siewi li sar mill-gvern Nazzjonalista bi skemi li minnhom gawdew eluf ta’ nies u familji f’titjib u f’manutenzjoni tad-djar, u għotjiet lill-anzjani biex jirranġaw ir-residenzi biex jibqgħu jgħixu fi djarhom, skemi għal persuni b’diżabbiltà u skemi oħrajn biex jakkwistaw l-ewwel residenza, u oħrajn għar-riġenenerazzjoni ta’ binjiet residenzjali. Dawn kienu skemi li saħħew l-ambjent tal-familji.

L-Oppożizzjoni trid tara gvern effettiv biex il-batut ikun megħjun
Semmiet li l-iskemi li nħolqu taħt gvern Nazzjonalista għadhom fis-seħħ. Filwaqt li rrimarkat li dan hu sinjal tajjeb, ikkritikat li dan il-Gvern ma kienx kapaċi joħloq skema mqar waħda ġdida fl-aħħar sentejn. L-Oppożizzjoni trid tara gvern effettiv biex il-batut ikun megħjun.

Paula Mifsud Bonnici kkritikat lill-Gvern li waqqaf ħesrem l-Iskema Kiri, Fakkret li l-Awtorità tad-Djar fl-2012 kienet tat opportunità lil sidien ta’ appartamenti biex jikru lill-Awtorità akkomodazzjoni għall-qasam soċjali. Irrimarkat li filwaqt li skont dan il-Gvern din l-iskema ma kinitx tajba, ir-rapport tal-Awtorità tad-Djar illum jiftaħar b’din l-iskema li fi kliem dan il-Gvern stess illum, wara sentejn fil-gvern għadu qiegħed jalloka postijiet li dwarhom l-Awtorità kienet diġa kkommettiet ruħha qabel ma twaqqfet l-iskema.

Filwaqt li fissret li seta’ kien hemm difetti fl-iskema u li setgħu jittranġaw biex titjieb l-iskema, ikkritikat il-fatt li l-Gvern ma propona ebda skema alternattiva.

Staqsiet jekk inbidlux il-parametri mitluba fl-iskema għal min irid jixtri propjetà tal-gvern, u semmiet li hawn ilmenti li juru li l-prezz illum hu aktar ogħla minn dak mitlub fl-2012. Staqsiet ukoll għaliex hemm anqas kunsilli li bbenefikaw mill-iskemi tal-Awtorità li jwasslu għal titjib sostanzjali fiz-zoni tad-djar.

Paula Mifsud Bonnici tkellmet ukoll dwar in-nuqqas ta’ trasparenza tal-Awtorità u semmiet li l-gvern baqa’ sieket fil-mod kif ġew appuntati ċ-Chaiperson, il-Kap Eżekutiv u l-Viċi Chairperson tal-Awtorità li kien ukoll jikkordina fil-counting hall fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’isem il-Partit Laburista.

Fissret ukoll bħala inaċċettabbli nies li b’esperjenza u bi kwalifiċi fl-Awtorità tad-Djar qed jingħataw il-ġenb u jintremew minn din l-amministrazzjoni. Dan kontra dak li prietka Muscat mill-Oppożizzjoni.

Il-PL b’wegħda prużuntuża li jeqred il-faqar
Għall-wegħda tal-Gvern li jeqred il-faqar, Paula Mifsud Bonnici qalet li din kienet wegħda prużuntuża għaliex skont l-istatistika ta,l-NSO il-faqar żdied u mhux naqas.