Il-Parlament il-ġdid għandu jkun verament id-dar tad-demokrazija u tal-poplu kollu, fejn il-poplu jkun milqugħ u jkollu l-aċċess li jixtieq. Għamel din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta laqa’ lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u s-Sinjura Kate Gonzi fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-binja l-ġdida tal-Parlament.
Wara li żar il-Kamra tar-Rappreżentanti u diversi żoni tal-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-eks Prim Ministru Gonzi kellhom laqgħa privata fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ħass li kien obbligu tiegħu li jisteden lill-eks Prim Ministru bħala l-ewwel mistieden uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament il-ġdid għax kien propju Lawrence Gonzi li bħala Prim Ministru kellu l-viżjoni għal dan il-proġett. Simon Busuttil sostna li Lawrence Gonzi kellu l-kuraġġ jegħleb l-isfidi u l-ostakli biex jitwettaq dan il-proġett.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed juża’ l-Parlament biex ikompli jagħti vuċi lill-poplu. Hu appella biex il-Parlmanet ikun aktar aċċessibbli għan-nies.
Min-naħa tiegħu, Lawrence Gonzi qal li l-viżjoni tal-Gvern li mexxa hu dwar il-Parlament il-ġdid kienet favur qabża fil-kwalità u maturità politika. Qal li dan il-Parlament hu wieħed miftuħ għall-poplu u li kompla jsaħħaħ ukoll l-identità tal-belt kapitali.