Knisja

Il-Papa jqajjem dubji dwar saħħtu

Il-Papa Franġisku qed jerġa’ jqajjem dubji dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu speċjalment wara li talab lil xi wħud biex jitolbu għalih għax hu “ftit xiħ u ftit marid”.

Waqt żjara pastorali fil-lokalità ta’ Ostia, qrib Ruma, il-Papa qal lill-membri tal-parroċċa li żar biex jitolbu għalih għalkemm ammetta li ma jinsabx ħażin.

Kemm-il darba fl-aħħar sentejn, il-Papa qal li jistenna li jgħix bejn sentejn u tliet snin oħra waqt li s-sna li għaddiet, lill-ġurnalisti fuq ajruplan f’titjira, qalilhom li hu mistenni jmexxi l-Knisja Kattolika “għal ftit żmien”. “Baqgħali sentejn jew tlieta u mmur fid-dar tal-Missier”, kien qalilhom dakinhar.

Is-sajf li għadda ħassar numru ta’ appuntamenti u dan il-fatt ġiegħel lil ħafna jitħassbu dwar il-kundizzjoni reali ta’ saħħtu.

Hu fatt magħruf li l-Papa jqum kull filgħodu għall-ħabta tal-4.30am u dejjem żamm skeda sħiħa ta’ appuntamenti għalkemm it-tobba talbuh inaqqas mill-impenji.

Hu magħruf ukoll li l-Papa kellu xi diffikultajiet ta’ saħħa fosthom ix-xjatka u għandu parti mill-pulmun li kienet tneħħietlu meta kien żagħżugħ. Xi osservaturi qalu li l-Papa żied fil-piż, kemm ilu li beda jmexxi l-Knisja Kattolika, u qed jaqta’ n-nifs. Dawn huma meqjusi sintomi ta’ diffikultajiet marbuta mal-qalb.