Lokali Parlament

Il-Parlament japprova mill-Ewwel Qari mozzjoni tal-Oppożizzjoni

Abbozz ta’ liġi revoluzzjonarja li tissalvagwardja l-wirt komuni

Il-Parlament approva fl-istadju tal-Ewwel Qari, mozzjoni privata tal-Oppożizzjoni b’Abbozz ta’ Liġi li jissalgwardja l-wirt komuni ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

L-iskop ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi hu li jkun hemm liġi li tirregola l-klassifikazzjoni tal-propjetà tal-Gvern.

Il-mozzjoni privata tressaq fil-Parlament illejla mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, Jason Azzopardi; u kienet sekondata mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, Marthese Portelli; li flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura; kienu ppreżentaw lill-Ispeaker il-mozzjoni privata.

Din il-mozzjoni kienet l-ewwel waħda li kienet ippreżentata lill-Ispeaker fil-bini l-ġdid tal-Parlament fit-28 ta’ April li għadda.

Skop ieħor ta’ dan l-abbozz hu li l-liġi tiddistingwi bejn propjetà pubblika u propjetà fid-demanju pubbliku, bil-għan li jkun hemm liġi li tirregola b’mod ċar il-poteri tal-Gvern fuq dik l-art id-dmirijiet tal-Gvern fuq l-istess art.