Internazzjonali

Kokaina minflok banana

Kunsinna ta’ kokaina bi żball intbagħtet lejn katina ta’ supermarkets fil-Ġermanja minflok kunsinna banana.
Id-droga hi stmata li tiswa aktar minn 20 miljun dollaru Amerikan u kienet f’kaxxi tal-banana mill-Kolombja. Dawn il-kaxxi mbagħad tqassmu lejn 13-il stabbiliment tas-supermarkets Aldi fil-belt kapitali Berlin.
L-impjegati ta’ Aldi sabu l-kokaina hekk kif bdew jiftħu l-kaxxi.
Skont il-Pulizija Ġermaniża, xi mkien sar żball mit-traffikanti wara li d-droga waslet fil-port Ġermaniż ta’ Hamburg.
Milli jidher, din hi rotta popolari peress li f’Jannar kienu ssekwestrati madwar sitt miljun dollaru f’kokaina. Barra minn hekk, anki d-droga moħbija fil-frott hi popolari. F’Ottubru l-pulizija kienu sabu wkoll kwantità kbira ta’ eroina fi trakk li kien ġej mill-Iran mimli ħjar u tewm.