Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-MEPA Michael Falzon u ċ-Chairman tal-istess Awtorità, il-Perit Vince Cassar, ma jagħmlux dikjarazzjonijiet ċari dwar proġetti li l-Gvern qed jindika li jistgħu jsiru barra Żoni tal-Iżvilupp. Minflok, huma jsostnu li hemm diversi kunsiderazzjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati qabel jittieħdu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet.
Din il-pożizzjoni, jew nuqqas ta’ pożizzjoni, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u ċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar esprimewha meta kienu mistoqsija dwar il-proġett li l-Gvern qed jipproponi li jsir barra Żona ta’ Żvilupp f’Wied il-Għajn.
Is-Segretarju Parlamentari qal li jiddependi mit-tip ta’ proġett li jkun qed isir, filwaqt li qal li dan il-proġett se joħloq madwar 400 impjieg u se jkollu wkoll effetti fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-MEPA qal li s’issa quddiem għad m’hemmx applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità għal dan il-proġett, bil-MEPA se tkun qed tiddeċiedi meta tasal l-applikazzjoni quddiemha.
Il-kummenti tas-Segretarju Parlamentari u ċ-Chairman tal-MEPA waslu waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha l-MEPA nediet policy dwar iċ-Ċimiterji u oħra dwar il-petrol stations fil-lokalitajiet. Il-policy dwar iċ-Ċimiterji taħseb biex ma jkunx hemm Ċimiterji ġodda fil-lokalitajiet, iżda jkun hemm biss estensjonijiet. Dan meta bħalissa l-Gvern qed jikkunsidra estensjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Proposti oħrajn f’din il-policy hi dwar alternattivi oħra għad-dfin, fosthom il-kremazzjoni. Qed ikun ikkunsidrat li jintużaw ukoll spazji eżistenti fiċ-Ċimiterji preżenti, kif ukoll li jkunu msaħħa l-aspetti iġeniċi fiċ-Ċimiterji. Min-naħa l-oħra, il-policy dwar il-petrol stations hi indirizzata biex toħloq regolamentazzjoni meħtieġa dwar il-petrol stations il-ġodda, filwaqt li toħloq sistemi kif il-petrol stations li jinsabu fl-abitat ikunu rilokati ħalli jkunu evitati perikli għall-komunitajiet.
//= $special ?>