Lokali Parlament

L-eks-Ministru Mallia jinħatar President ta’ Kumitat Parlamentari

Ineħħħi lil Silvio Parnis li l-istess Gvern ħatru sena ilu

L-eks-Ministru Manwel Mallia nħatar mill-Gvern Laburista, President tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi.

F’mozzjoni li ressaq illejla d-Deputat Prim Ministru Louis Grech, il-Gvern ħatar lill-eks-Ministru Mallia minflok id-Deputat Laburista Silvio Parnis li kien nominat President tal-istess Kumitat, sena ilu, fis-7 ta’ Mejju 2014.

Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi, li issa hu mmexxi mill-eks-Ministru Laburista, se ssir nhar it-Tnejn li ġej.

Fil-jiem li għaddew Manwel Mallia kien fiċ-ċentru ta’ skandlu ieħor li ħareġ fil-media dwar kif il-mara tiegħu ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija.

Quddiem dan il-każ ieħor wara li l-istess membru tal-Gvern kellu jirriżenja b’rabta ma’ sparatura li kien involut fiha x-xufier tiegħu f’Novembru li għadda meta kien Ministru responsabbli mill-Intern, l-Oppożizzjoni talbet li l-Gvern u l-Prim Ministru Joseph Muscat jagħtu spjegazzjoni u jerfgħu r-responsabbiltà politika dwar dan l-abbuż flagranti ta’ poter.