Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tappella għal open day fil-Parlament il-ġdid

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius appella għal open day fid-dar ġdida tal-Parlament wara li kien inawgurat u nħoloq sens ta’ xewqa biex il-pubbliku jkun jista’ jżur u jara b’għajnejh id-dar ġdida tad-demokrazija f’pajjiżna – id-dar li qed tilqa’ l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fid-Daħla ewlenija tal-belt kapitali.

Meta tkellem illejla fit-tmiem is-seduta parlamentari,il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali, Żgħażagħ u Sport, David Agius, fisser li kien Gvern Nazzjonalista li kellu viżjoni biex il-Parlament ikollu d-dar tiegħu għax din hi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż li jixirqilha ambjent li hu ta’ ġieħ għall-Parlament Malti.

Filwaqt li enfasizza li d-deputati fil-Parlament iridu jagħtu servizz u jħarsu ‘l quddiem, David Agius fisser ukoll li jrid iħares lejn Parlament b’aktar djalogu, aktar trasparenza, u Parlament li jwassal messaġġ b’mod aktar tajjeb.

Apprezzament għax-xogħol li twettaq mill-Ispeaker, mill-ħaddiema kollha tal-Parlament u mill-Whip tal-Gvern
Esprima apprezzament u ringrazzjament għax-xogħol li twettaq mill-Ispeaker tal-Kamra u mill-ħaddiema kollha tal-Parlament li minkejja d-diffikultajiet li għadda minnu l-istaff kollu fit-trasfeirment ta’ din l-istituzzjoni, l-istaff kollu għamel u qed jagħmel xogħol tajjeb. Irrikonoxxa wkoll is-sehem ukoll tal-whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern. Semma li hawn xewqa u sens ta’ poplu li jixtieq iżur dan il-Parlament.

David Agius ingħaqad mal-appell li għamel l-Ispeaker biex wara li bdejna nittrasmettu bix-xandir viżiv, ninstu biex ikollna kanal tat-televiżjoni tal-Parlament li jkun free to air – kanal li jkun miftuħ għal kulħadd. Fisser li n-nies trid tisma’ l-argumenti tagħna filwaqt li tenna l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għal dan l-appell.

Appella woll għall-introduzzjoni tat-twitter li joffri messaġġ ta’ aħbarijiet mill-Parlament biex b’hekk id-demokrazija tinxtered man-nies u tkompli tqarreb lill-Parlament aktar lejn in-nies.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista enfasizza l-bżonn ta’ aktar użu tal-media soċjali biex il-ħidma parlamentari tasal aktar għand in-nies, bħalma hu l-Facebook u l-instagram fost mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni.

Wirja fil-bini tal-Parlament mir-residenti fil-Faċilità ta’ Kordin
Faħħar ukoll l-inizjattiva li l-ewwel esebizzjoni li se jilqa’ l-Parlament se tkun mir-residenti fil-Faċilità ta’ Kordin, li mbagħad tidħol mal-wirjiet permanenti li se jkollu l-Parlament bl-għajnuna tal-Bank of Valletta.

Appell għal politika ta’ kunsens u ta’ djalogu
Quddiem dan l-iżvilupp fid-dar ġdida tal-Parlament, David Agius saħaq li l-Oppożizzjoni trid gvern li ma jibqax jaħbi kuntratti dwar l-iskema taċ-ċittadinanza Maltija u dwar il-power station, u jkun Gvern trasparenti u miftuħ.

Appella lill-Gvern għal politika ta’ kunsens u ta’ djalogu. Fisser li dwar l-immigrazzjoni, l-Oppożizzjoni wriet bil-fatti li trid il-kunsens u trid ħidma flimkien mal-Gvern, bħalma qed tagħmel ukoll fil-qasam tas-saħħa. Appella biex nevitaw il-politika ta’ ħabi u jkollna politika ta’ trasparenza bi gvern li jrid joħroġ ukoll l-id tal-ħbiberija u tal-kunsens mal-Oppożizzjoni.

Semma li l-Parlament esperjenza diversi drabi nuqqas ta’ qbil fuq temi importanti bħalma kienu s-sħubija fl-UE, ix-xandir u l-kunsilli lokali, iżda li maż-żmien iż-żewġ partiti ġew jaħsbu favur l-istess politika.

Semma s-sehem importanti li qed tagħti l-Oppożizzjoni fil-Parlament, l-aktar bil-mozzjonijiet li qed tressaq, bl-aħħar waħda dwar il-ħarsien tal-wirt storiku, kulturali u naturali. Appella lill-Gvern ikun miftuħ u jitkellem u jkollu reazzjoni dwar din l-inizjattiva li hi pożittiva u proattiva. Gvern li għadu ma tkellem xejn dwarha.

Daqqa ta’ ħarta lid-demokrazija mill-Gvern li jrid ineħħi l-elezzjonijiet lokali tal-2017
Tkellem ukoll dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tax-xahar li għadda u semma li l-Ministru tal-Kunsilli Lokali li tkellem fl-aġġornament ilbieraħ, ma lissen ebda kelma dwar dawn l-elezzjonijiet.

Il-Kelliem dwar il-Kunsilli Lokali, Żgħażagħ u Sport irringrazzja lill-kandidati kollha li pparteċipaw u awgura lil dawk li kienu eletti biex jaħdmu għall-ġid tal-lokalità tagħhom.

Spjega li filwaqt li l-PN qata’ d-distakk tal-voti mill-Partit Laburista, issa jrid jaħdem u jħares ‘il quddiem, bħalma l-gvern ukoll irid jagħti s-sehem tiegħu u jagħti aktar fondi u jgħid x’se jagħmel bil-gwardjani lokali u kif se jżid il-fondi lill-kunsilli lokali. Sejjaħ bħala daqqa ta’ ħarta oħra lid-demokrazija l-abbozz ta’ liġi li l-Gvern se jressaq biex jibda jiddiskuti dalwaqt fil-Parlament biex ineħħi d-dritt tal-poplu li jivvota fl-elezzjonijiet lokali li jmiss, fl-2017.

L-isport m’għandu joħloq ebda kontroversja
Dwar il-qasam tal-isport, u b’rabta ma’ appelli li kien għamel fil-Parlament dwar il-ġlieda kontra l-match fixing, semma li għaddejja l-ħidma ta’ task force speċjali biex tindirizza l-isfidi u l-problemi.

Appella għal diskussjoni wkoll biex nitkellmu u naraw x’qed jiġri fl-isport tal-isparar f’pajjiżna quddiem il-kontrversja dwar is-sit magħżul għall-isport tal-isparar. Appella lill-Gvern għal aktar diskussjoni wkoll dwar l-isport tal-karozzi hekk kif saħaq li l-isport m’għandu qatt ikun ta’ kontroversja politika.

Semma u faħħar l-introduzzjoni tal-isport ġdid Floorball li grazzi għat-teknoloġija, issa jista’ jsir dan l-isport f’pajjiżna wkoll.

Dwar l-inċident ta’ din il-ġimgħa li fih kien involut ċiklist, David Agius appella għal aktar għarfien u għal kampanja ta’ edukazzjoni biex inħarsu liċ-ċiklisti u biex dawn ukoll jużaw l-apparat ta’ sigurtà meħtieġ.

L-Ispeaker jirringrazzja lill-Oppożizzjoni
Fi tmiem id-diskors ta’ David Agius, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rringrazzja lill-Oppożizzjoni għall-appoġġ li qed tagħti għall-inizjattivi li qed jittieħdu mis-Sedja.

Ħabbar li l-Parlament qed jaħdem u se jkollu s-servizz ta’ twitter. Ħabbar ukoll li l-wirja mir-residenti fil-Faċilità ta’ Kordin se tkun organizzata fil-foyer tal-bini tal-Parlament fid-29 ta’ Mejju.