Hemm suspetti li l-militar Iżraeljan wettaq attakk mill-ajru fis-Sudan matul il-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.
Fil-mira jidher li kien hemm impjant tal-armi qrib Omdurman. Iżda minkejja rapporti minn residenti tal-inħawi li qalu li semgħu splużjonijiet qawwija, l-Armata Sudaniża qed tiċħad li sar xi attakk. Minflok, qalet li kien interċettat drone, aktarx Iżraeljan, armat bil-missili, li daħal fl-ispazju tal-ajru Sudaniż minn fuq il-Baħar l-Aħmar.
Il-Kurunell Alsawarmi Khaled Sa’ad, kelliem għall-Armata Sudaniża, qal li kien infetaħ in-nar fuq ajruplan jew missila fl-ispazju tal-ajru Sudaniż imma ma kien sar ebda attakk mill-ajru.
Fl-2012, is-Sudan kien ukoll akkuża lil Iżrael li wettaq attakk mill-ajru, din id-darba fuq fabbrika tal-armi fil-kapitali Khartoum, iżda Iżrael qatt ma kkummenta dwar dawn l-akkużi. Kemm f’dan l-aħħar każ, kif ukoll f’dak tal-2012, is-suspetti huma li fil-mira kien hemm armi destinati għall-Hamas jew il-Hezbollah.
Suspetti ta’ attakk Iżraeljan fis-Sudan
