Il-fatti huma sagri, qalet ix-Shadow Minister tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, Roberta Metsola, fi stqarrija li titkellem dwar il-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-użu ta’ fondi Ewropej taħt tmexxija Nazzjonalista.
Hi spjegat kif il-Gvern Laburista qed jgħid li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Fondi Ewropej għar-Refuġjati u għal Ħarsien tal-Fruntieri, l-amministrazzjoni Nazzjonalista għamlet użu ta’ 72.8% tal-fondi, u li “ħliet” madwar 30% minnhom.
Dawn l-allegazzjonijiet huma matematikament u fattwalment foloz, u hemm bżonn li l-verita’ toħroġ fid-dehet, tenniet Roberta Metsola.
Hi fakkret lil Gvern li f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni, Malta kellha aċċess għal erba’ pakketti ta’ finanzjament, u mhux għal tnejn biss, matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2013.
Hi spjegat ukoll kif dawn il-pakketti ta’ finanzjament mhumiex neċessarjament marbuta mal-immigrazzjoni irregolari, għax jinvolvu wkoll finanzjament għal bini ta’ konsulati Maltin barra mill-Ewropa, fosthom f’Shanghai.
Il-fatti u l-figuri huma sagri, spjegat Roberta Metsola, li aċċennat li l-ebda pressjoni mill-Gvern Laburista ma tista’ tbiddel dak li hu ovvju.
Il-verita’ hi li l-Gvern Nazzjonalista kellu aċċess għal total ta’ €45.5miljun f’dawn l-erba’ fondi, u minnhom intużaw €39.5 miljun, jiġifieri total ta’ 87%.
Kieku wieħed kellu jikkalkula kemm intużaw fondi mill-pakketti li ikkwota l-Gvern, wieħed jinnota li ntużaw €37.2 miljun minn total ta’ €40.5 miljun, jiġifieri total ta’ 92%.
Dawn il-figuri huma kollha disponnibli għall-iskrutinju tal-pubbliku, qalet Roberta Metsola, li wissiet li jkun aħjar kieku l-Gvern Laburista jfittex li jipprova jieħu l-mertu ta’ suċċessi li għamlu l-amministrazzjonijiet ta’ qablu, u minflok jiffoka l-enerġija tiegħu biex jaffaċċja l-isfidi li għandu quddiemu.
Fuq kollox, il-Gvern Laburista għandu jispjega għaliex dam sena biex jappunta ħaddiema fit-Taqsima kruċjali tal-Immigrazzjoni, fatt importanti li l-Gvern s’issa għadu ma spjegax.
//= $special ?>