Ambjent Lokali

Il-MEPA tikser il-policy tagħha biex isservi ta’ canvaser għall-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb għall-aħbar li l-MEPA kisret il-policy tagħha stess biex taġevola kumpanija privata tal-Ġordan biex tkun tista’ tibni f’żona li hija art verġni u agrikola.

Fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, il-Partit Nazzjonalista stqarr li huwa inspjegabbli kif l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA jaqbad u jiddeċiedi min jeddu li sit li huwa ODZ f’daqqa waħda sar tajjeb biex isir żvilupp kbir fuqu. Dan meta lanqas biss saru l-istudji neċessarji.

“Huwa ovju li d-deċiżjoni diġà ttieħdet u li l-istudji li qed jingħad li se jsiru, huma biss finta għaliex evidentament, id-deċiżjoni diġà ttieħdet,” tkompli l-istqarrija, u “huwa ċar kemm minn dak li ntqal mill-Gvern, kif ukoll mill-MEPA, li mhux qed jiġu kkunsidrati siti oħra għal din il-binja. Bid-deċiżjoni li ttieħdet mill-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA – aġir irresponsabbli – l-proċess kollu tal-applikazzjoni ġie ppreġudikat.

L-istqarrija tkompli li b’deċiżjoni bħal din, il-MEPA m’għandiex bżonn tinqasam fi tnejn biex ixxejjen l-irwol ambjentali tagħha, għaliex diġà qed tinjora l-ambjent u miegħu, t-tfal tagħna u ta’ uliedna.

Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nappjonalista fakkar li l-poplu Malti jixraqlu Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar li qegħda hemm għall-ġid taċ-ċittadini kollha u għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri, u mhux biex isservi ta’ canvaser tal-Gvern Laburista.

Għalhekk “il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li min ħa d-deċiżjoni, jgħid jekk kienx imġiegħel jieħu din id-deċiżjoni, u jekk iva, minn min.” Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista fakkar li l-MEPA taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u għalhekk, anke l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jwieġeb għal din it-tip ta’ deċiżjoni.