Knisja

Il-Papa jordna biex id-dnub mejjet tal-abort jinħafer mis-saċerdoti kollha

Il-Papa Franġisku ordna lill-qassisin biex jagħtu l-maħfra sħiħa lil nisa li jkunu wettqu dnub mejjet billi għamlu abort.

Mis-sena d-dieħla, nisa li għamlu abort u t-tobba li wettqu l-intervent, se jkunu jistgħu jfittxu l-maħfra b’riżultat ta’ digriet tal-Papa fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ġublew tal-Maħfra. S’issa, id-dnub seta’ jinħafer biss minn membri għolja tal-kleru jew b’pellegrinaġġ għal Ruma f’sena meqjusa qaddisa. Iżda issa, il-Papa Franġisku se jagħti s-saħħa lill-qassisin biex iservu bħala “missjunarji tal-ħniena” u jaħfru anke dawk li huma meqjusa dnubiet serji.

Il-Monsinjur Rino Fisichella, f’konferenza tal-aħbarijiet, ħabbar li l-ġest tal-Papa hu sinjal konkret li s-saċerdot irid ikun raġel tal-ħniena u qrib kulħadd.

Il-Ġublew tal-Ħniena jibda uffiċjalment fit-8 ta’ Diċembru. Il-Papa Franġisku qal diversi drabi li din is-sena speċjali trid tnissel iktar ħniena fost l-Insara.