Internazzjonali Unjoni Ewropea

Iridu jneħħu r-restrizzjonijiet għat-tfal li qed ifittxu l-kenn

Id-Deputati Parlamentari Ewropej (MEPs) fil-kumitat għal-libertajiet ċivili jridu li t-tfal li jaslu l-Ewropa wara li jkunu ħarbu mill-konflitt, japplikaw għall-kenn politiku fil-pajjiż l-aktar adatt għall-ħteġiet tagħhom.
Il-proposta – li tressqet snin ilu – reġgħet kienet introdotta fl-aħħar sigħat minn Cecilia Wikstrom, tal-Partit Żvediż tal-Poplu Liberali. Intant, id-deputati Ewropej appoġġjaw l-emenda tagħha għall-bidliet fir-‘regola ta’ Dublin’ biex id-drittijiet u l-interessi tat-tfajjel jiġu qabel ir-regoli kontroversjali li jirrigwardaw id-dħul ta’ persuna f’pajjiż speċifiku.
Numru ta’ tfal li jaslu l-Ewropa jistgħu jkollhom il-qraba fi Stat membru tal-UE iżda ma jkunux jistgħu japplikaw għall-kenn politiku fil-pajjiż partikolari minħabba r-regoli attwali. Skont dawn ir-regoli, hu proprju l-ewwel pajjiż tal-U) fejn tidħol il-persuna partikolari li jeħtieġ jipproċessa t-talba għall-kenn.
Il-proposta ġdida tfisser li l-pajjiż membru tal-UE fejn ikun preżenti l-minorenni għandu jkun responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-kenn politiku. Dan japplika dment li ma tkunx hemm evalwazzjoni individwali li tindika li jkun fl-aħjar interessi tal-minorenni jew tfajjel li jmur f’xi pajjiż ieħor.
Cecilia Wikstrom xorta qed tistenna t-taħditiet ‘iebsa’ mal-Istati-membri rigward il-kwistjoni tat-tfal li jaslu l-Ewropa wara li jkunu ħarbu mill-konflitti. Hi temmen li n-negozjati wara l-kwinti (rigward il-liġijiet tal-UE) għandhom ikunu diffiċli iżda, fl-istess ħin, hi beħsiebha tiftaħ dan id-djalogu mill-aktar fis.