Il-Gvern għadu ma jafx meta se jibda x-xogħol fuq din l-arterja ewlenija tat-traffiku
Ix-xogħol fuq l-junction tal-Kappara mhux se jibda għalissa. Dan kien ikkonfermat fil-Parlament mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi.
Għal mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għall-Enerġija, Ambjent u Trasport, Marthese Portelli; il-Ministru Mizzi qal li x-xogħol mhux mistenni jibda qabel ma jkun komplut il-proġett ta’ Triq il-Kosta.
Fl-aħħar ta’ Frar li għadda, Transport Malta kienet ikkonfermat li x-xogħlijiet fi Triq il-Kosta aktarx mhux se jkunu lesti sas-sajf li ġej. Ir-raġuni li ngħatat kienet is-sejba ta’ fdalijiet arkeoloġiċi fil-bajja tas-Salina.
Transport Malta kienet qalet ukoll dakinhar, li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali tinsab involuta fis-superviżjoni tal-proġett u għaldaqstant, ix-xogħlijiet qed jimxu b’rata iktar kawta u x’aktarx se jkun hemm tibdil fil-pedamenti tat-triq fl-inħawi tas-Salina.
Bid-dikjarazzjoni li għamel il-Ministru Joe Mizzi din il-ġimgħa fil-Parlament, dan il-Gvern se jkompli jtawwal l-implimentazzjoni tal-proġett tant importanti ta’ waħda mill-arterji ewlenin tat-traffiku fejn jeħtieġ titjib – liema proġett kien maħsub u beda jiġi disinjat ukoll fi żmien gvern Nazzjonalista.
F’Novembru li għadda, il-Ministru Joe Mizzi kien ikkonferma fil-Parlament li kien hemm dewmien fuq il-ħruġ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-junction tal-Kappara. It-tender kellha toħroġ f’Settembru tal-2013. Wara aktar minn sena u nofs, dan il-Gvern għadu ma jafx meta se jibda x-xogħol fil-Kappara.
//= $special ?>