Internazzjonali Lokali

Jirtu b’nofs miljun ewro minn dar f’Malta imma ma jistgħux isarrfuhom għax f’munita skaduta

Immaġina tiret bi kważi nofs miljun ewro imma f’munita li m’għadhiex valida!

Hekk ġralhom il-werrieta Taljani ta’ koppja Taljana li kellha dar f’Malta, li fetħuha biss qrib il-Milied li għadda u li fis-safe tad-dar sabu bi kważi biljun Lira Taljana li llum m’għadha tiswa xejn.

Żvela dan il-Giornale di Vicenza fejn spjega li l-werrieta tal-koppja Bruno u Santina Antoniazzi ma jistgħux jemmnu x’ċajta goffa lagħbilhom id-destin. Il-koppja Antoniazzi, li t-tnejn mietu ftit snin ilu, ma kellhomx ulied. Wara mewthom, ġidhom, inkluż dar f’Malta, inqasam fost oħt ir-raġel u xi qraba oħra.

Id-dar f’Malta spiċċat f’idejn oħt Bruno Antoniazzi li madankollu ma fetħithiex għal snin twal. Meta qrib il-Milied li għadda, kuġin ta’ din il-mara offra li jmur jara d-dar f’liema kundizzjoni kienet, bit-tama li jbiegħuha, fetaħ is-safe u sab imgeddsa kważi biljun Lira Taljana.

Iżda minħabba li l-Italja ilha li qalbet għall-ewro iktar minn 10 snin, il-banek Maltin ma jistgħux isarrfu t-teżor fil-munita tal-lum. L-unika istituzzjoni li kapaċi tagħmel dan hu l-Bank Ċentrali tal-Italja imma jifdal problema oħra…dik li dak l-ammont kollu ta’ flus kontanti ma jistax joħroġ minn Malta.

Sadanittant il-flus spiċċaw f’safe ieħor sakemm forsi tinstab soluzzjoni għad-dilemma.