Lokali

L-Abbozz ta’ Liġi mressqa mill-Oppożizzjoni dwar id-Demanju Pubbliku hi “inizjattiva tajba” – José Herrera

L-Abbozz ta’ Liġi li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament u li diġà ġie approvat mill-Ewwel Qari dwar id-Demanju Pubbliku, jiġifieri l-Liġi dwar il-wirt komuni u li tipproteġi l-wirt naturali, kulturali u storiku, tfisser mis-Segretarju Parlamentari José Herrera bħala inizjattiva tajba li dwarha kien hemm diġà White Paper mill-Gvern Nazzjonalista u li hu jaqbel magħha fis-sustanza u fil-prinċipju.

Iżda waqt konferenza tal-aħbarijiet, Herrera kkritika l-mod li bih tressaq dan l-Abozz ta’ Liġi. Hu qal li hu skorrett meta jingħad li l-Abbozz tressaq mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum għax dan hu xogħol li kien sar meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern. Is-Segretarju Parlamentar spjega li l-Abbozz propost mill-Oppożizzjoni u li jinsab quddiem il-Parlament, il-Gvern illum irid li jkun parti mill-politika ħolisitika marittima, li qal li hi lesta, iżda li għad trid titla’ għall-approvazzjoni tal-Kabinett.

Dwar din il-politika ħolistika, José Herrera qal li kkonsulta diġà ma’ kulħadd, iżda mhux mal-Oppożizzjoni, li qal li issa se jistedinha biex magħha jiftaħ dibattitu. Mistoqsi jekk hux se jkun qed jivvota favur jew kontra l-Abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni, José Herrera qal li din hi deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern. Hu lanqas ma ta raġuni valida għaliex il-Gvern ma ħariġx b’din ir-reazzjoni meta l-Oppożizzjoni ħabbret il-Mozzjoni Privata iżda wara għaxart ijiem u wara li l-Abbozz tal-Oppożizzjoni diġà kien approvat mill-ewwel stadji fil-Parlament.