L-immigrazzjoni, l-ewro u l-kriżi tal-Ukrajna kienu fost it-temi diskussi waqt laqgħa bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Dombrovskis, li jinsab fuq żjara f’Malta.
Simon Busuttil qal li sfortunatament, irid ikun hemm telf ta’ ħajjiet biex l-immigrazzjoni titla’ fuq l-aġenda Ewropea. Min-naħa l-oħra, apprezza li kemm l-istess Dombrovskis, kif ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker huma konxji tal-problema u qed jaħdmu fuq soluzzjoni fit-tul.
Dwar l-ewro, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissarju Dombrovskis, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-munita għandha diversi sfidi, fosthom il-kwistjoni tal-Greċja. Qal li l-Unjoni Ewropea għandha turi solidarjetà b’responsabbilta’. Kompla li l-Gvern Grieg għandu jevita l-populiżmu u jaġixxi b’mod responsabbli.
Dwar l-Ukrajna, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u hu favur li tkun rispettata l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Dombrovskis qal li parti kbira mill-ħidma tiegħu titratta aktar koperazzjoni mill-qrib mal-Gvernijiet u l-Parlamenti. Dwar il-qasam ekonomiku, qal li r-riżultati jidhru tajbin, għalkemm għad hemm mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea qal li l-ġimgħa d-dieħla għandha tibda diskussjoni dwar il-proposta l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-politika tal-migrazzjoni. Dwar l-Ukrajna, qal li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm sod fil-pożizzjoni tagħha u turi li ċertu aġir mhuwiex aċċettabbli fl-Ewropa tas-Seklu 21.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Roberta Metsola, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Trevor Degiorgio.
//= $special ?>