Ekonomija

L-MFSA twissi l-kawtela

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (“MFSA”) hi mgħarrfa dwar entità li qed topera taħt l-isem Bank Invest Capital Ltd, liema entità qed tgħid li għandha indirizz f’Valletta – Malta, u li tgħid li hija liċenzjata mill-MFSA.

L-MFSA tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku, f’Malta u barra minn Malta, illi l-entità msemmija hawn fuq MHIX kumpanija reġistrata f’Malta u LANQAS ma hi entità liċenzjata mill-MFSA biex tipprovdi xi tip ta’ servizz finanzjarju li jeħtieġ awtorizzazzjoni jew liċenzja skont it-termini tal-liġi.

Għaldaqstant, l-MFSA twissi lill-pubbliku biex ma jidħolx fi transazzjonijiet jew ikollu x’jaqsam b’xi mod ieħor ma’ din l-entità.

L-istess jista’ jingħad għall-entita’ li qed topera taħt l-isem GFS Securities Ltd, u li dwarha l-Awtorita’ wkoll ħarġet avviż uffiċjali.

Konsumaturi tas-servizzi finanzjarji huma mfakkra biex jużaw kawtela qabel ma jidħlu f’xi transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji qabel ma jkunu aċċertaw lilhom infushom li l-entità li magħha qed issir it-transazzjoni hija awtorizzata tipprovdi dawk is-servizzi finanzjarji mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba.

Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli mingħand l-istess Awtorità u tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit tal-MFSA fuq http://www.mfsa.com.mt/.