Internazzjonali

Netanyahu jiftihem dwar koalizzjoni

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, daħal fi ftehim ‘tal-aħħar siegħa’ biex jifforma gvern ġdid ta’ koalizzjoni. Il-ftehim, li ntlaħaq seba’ ġimgħat wara li l-Partit Likud ta’ Netanyahu kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali, ġie konkluż ftit qabel daħal fis-seħħ id-deadline għall-formazzjoni tal-amministrazzjoni ġdida.
Netanyahu kiseb l-appoġġ tal-Partit Bayit Yehudi biex jikseb il-61 siġġu neċessarji biex jiggverna. B’hekk ukoll, Netanyahu – li sar Prim Ministru għall-ewwel darba fl-1996 – qed iħejji biex jibda r-raba’ mandat ta’ poter fil-karriera tiegħu.
Il-Bayit Yehudi insista li jingħata l-Ministeru tal-Ġustizzja qabel impenja l-appoġġ tat-tmien deputati tiegħu lill-Gvern ġdid. Intant, Naftali Bennett il-mexxej tal-Bayit Yehudi jopponi għal Stat tal-Palestina u – minbarra li jgawdi l-appoġġ tar-residenti Lhud fix-Xatt tal-Punent – qed isejjaħ biex diversi bnadi tat-territorji okkupati jkunu annessi ma’ Iżrael.
Sadanittant, ir-relazzjonijiet ta’ Iżrael mal-Istati Uniti u l-Ewropa jistgħu jaqilbu għall-agħar, proprju minħabba l-appoġġ minn Bennett għall-espansjoni tar-residenti tal-Lhud.