Il-Pulizija fl-Iskozja ħarġu numru ta’ twissijiet konnessi mal-‘intimidazzjoni potenzjali’ min-naħa tal-aktar partitarji radikali tas-Scottish National Party (SNP).
It-twissija hi effettiva għall-Iskozja kollha waqt l-elezzjonijiet ġenerali tallum fir-Renju Unit. Dan meta n-nazzjonalisti Skoċċiżi li jemmnu li r-referendum għall-Indipendenza tas-sena l-oħra kien imbagħbas favur l-istatus quo, fil-preżent, qed iħeġġu biex il-votanti jieħdu r-ritratti tad-dokument tal-vot filwaqt li ‘jsegwu minn taħt’ lill-uffiċjali elettorali.
Il-kampanja mlaqqma Operation Scallop qed tiċċirkola fuq Facebook u Twitter minħabba li xi partitarji tal-SNP jinkwetaw li l-voti tagħhom ‘jistgħu jitqattgħu, inkella jinbidlu jew ma jkunux ikkalkulati’.
L-organizzaturi tal-kampanja qalu wkoll li l-partitarji jridu jivvutaw fl-aħħar siegħa — bejn l-10 u l-11 p.m. ( ħin ta’ Malta) — imbagħad ‘jibqgħu barra l-post tal-votazzjoni u jieħdu r-ritratti ta’ kull ħaġa li jqisu bħala suspettuża waqt li l-voti jkunu qed jitgħabbew fuq vetturi uffiċjali’.
Il-partitarji tal-SNP, imbagħad, huma mħeġġa biex jużaw it-trasport tagħhom biex isegwu l-konvoj tal-vetturi li jitilqu bil-kaxxi tal-voti, minbarra li ‘jibqgħu preżenti waqt li jitniżżlu l-kaxxi mill-vetturi. Intant, il-partitarji ‘jridu jinnutaw anki jekk id-dokument tal-vot ikollux il-marki u s-simboli korretti.’
Is-sostenituri tal-SNP huma anki infurmati li l-pulizija ma tistax tintervjeni fil-każi fejn huma jieħdu r-ritratti. Dan meta l-pulizija ‘m’għandhomx ir-riżorsi biex jeskortaw il-kaxxi tal-voti kollha, waqt li huma biss in-nies li jistgħu jorganizzaw ruħhom biex jagħmlu dan.’
L-awtur ta’ din il-‘kampanja tas-sigurta’ spjega li l-proċess tas-sorveljanza m’għandux jieħu ħin eżaġerat ‘minbarra li jagħmilha kważi impossibbli biex xi ħadd ibagħbas il-kaxxi tal-voti’.
Is-sostenituri tal-SNP qed ikunu mħeġġa biex iġibu ruħhom b’mod edukat ħalli jevitaw is-suspetti tal-pulizija. Id-direttiva tkompli biex il-partitarji jikkooperaw 100-fil-100 ma’ kull domanda u kriterju legali.
Sadanittant, il-pulizija u l-uffiċjali elettorali xorta ċċirkolaw it-twissija lit-32 kunsilli tal-Iskozja fejn qalulhom biex joqgħodu attenti għall-problemi waqt il-votazzjoni u fil-ħin meta jkunu qed jittrasportaw il-kaxxi tal-voti.
Din il-ġimgħa, l-SNP issospenda żewġ protagonisti ta’ protesta li wasslet għall-inkwiet fil-belt Skoċċiża ta’ Glasgow u fejn il-kandidati tal-Partit Laburista kienu suġġetti għal ‘tattiċi ta’ intimidazzjoni’.
//= $special ?>