Internazzjonali

Żewġ xadini perikolużi jaħarbu minn zoo fi Spanja

Il-Pulizija fi Spanja qatlu lix-xadina ċimpanże, bl-isem Eva, u għadhom ifittxu lil seħibha Adam, wara li l-koppja ħarbu mill-gaġġa tagħhom f’zoo fil-gżira ta’ Majorca.

Iż-żewġ xadini kienu meqjusa perikolużi wara li rnexxielhom jiftħu l-bieba tal-gaġġa tagħhom u jkissru twieqi fil-kumpless fejn kienu miżmuma. Il-ħaddiema taż-zoo daħlu jistkennu f’kafeterija u nqaflu fuq ġewwa flimkien ma’ turisti li dak il-ħin kienu qed iżuru l-faċilità.

Il-Pulizija qatlet b’tir wieħed lix-xadina mara, wara li din dehret qrib ħafna ta’ raħal, u għaddejjin tfittxijiet għall-annimal l-ieħor. Iżda gruppi li jippromwovu l-ħarsien tal-annimali qed jappellaw lill-awtoritajiet Spanjoli biex ix-xadin ma jinqatilx.

Il-Pulizija qalet li se tagħżel li tuża miżuri li jikkalmaw lix-xadin, jekk jinstab, imma jekk ikun meħtieġ, għandhom l-ordni li joqtluh għax il-prijorità tibqa’ s-sigurtà tal-bniedem.

Iż-zoo, li jinsab qrib ħafna ta’ lukanda ta’ 4 stilel, jilqa’ fih iktar minn 600 annimal fosthom iljuni, ġiraffi, tigri, xadini u żebri.