L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern joħroġ b’idea ġodda li jkomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna, jaħdem aktar mal-privat u nagħmlu l-aqwa użu mill-fondi Ewropej biex pajjiżna jkompli jirreġistra aktar suċċessi kemm għall-industrija turistika kif ukoll għall-ekonomija nazzjonali kif qed ikun ripetut sena wara oħra.
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, fl-aġġornament fil-Parlament tkellem dwar it-turiżmu fi żmien li ninsabu lejlet l-aqwa tal-istaġun tal-industrija. Semma li x-xejra pożittiva ilha għaddejja mill-2007 fejn rajna suċċessi ripetuti li se jkunu wkoll reġistrati din is-sena fejn l-industrija tat-turiżmu se tgawdi minn statistika li tkompli tagħti kuraġġ lil settur importanti tal-ekonomija nazzjonali.
Is-suċċess tal-industrija ġie wkoll għax sar investiment mill-gvern u mis-settur privat. Dan hu dovut ukoll għar-rotot ġodda minn kumpaniji tal-ajru, fosthom ħafna kumpaniji low-cost, li kienu strumentali għas-suċċess fit-turiżmu. Mill-2007 sal-lum aktar minn irdoppjaw u l-istrateġija fit-turiżmu ħalliet ir-riżultati.
Hemm ukoll żewġ pilastri tal-investiment fil-marketing u l-investiment fil-prodott. Appella biex inkomplu ninvestu fil-prodott u fil-marketing ta’ pajjiżna, pilastri importanti fit-turiżmu. Irridu nieqfu nitkellmu fuq prodott iżda nitkellmu aktar fuq l-esperjenza tat-turisti għaliex l-esperjenza li t-turisti jaqsmu fil-media soċjali hu l-aqwa reklam.
Fisser li l-Gvern għandu kontroll fuq ħafna mis-suċċess ta’ din l-industrija u semma l-bżonn li pajjiżna jkompli jinvesi fit-titjib tal-prodott turistiku bħalma sar fis-snin li għaddew biex pajjiżna jsebbaħ il-prodott turistiku. Semma wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat u kif dan ta ħafna riżultati, bl-akbar żewġ proġetti għadna ngawdu minnhom u se nibqgħu naqtgħu l-frott tagħhom biex it-turiżmu jkompli jissaħħaħ – fosthom dak tat-terminal tal-ajruport u t-terminal tal-passiġġieri għall-cruise liners.
Semma li fl-aħħar snin sar ħafna investiment bis-saħħa wkoll tat-Tourism Grant Scheme fejn kien hemm aktar minn €10 miljun għad-dispożizzjoni tal-industrija li wasslu biex kienu investiti b’kollox aktar minn €50 miljun fl-industrija turistika.
Fi Frar tal-2013, Gvern Nazzjonalista ġab €1,128 miljun u rrimarka li għat-turiżmu għadna ma smajna xejn dwar kif se jintużaw parti minn dawn il-fondi Ewropej fi skemi għall-industrija u lanqas ma nafu kif se jintefqu.
Filwaqt li rrimarka dwar id-diżastru li esperjenzajna l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fis-sentejn li għaddew u li l-gvern għandu jindirizza b’azzjoni minnufih, tkellem ukoll dwar l-importanza li jibqgħu jiġu organizzati avvenimenti kontinwi bil-gvern irid ikompli joħloq hu ideat ġodda minbarra dawk li ilhom isiru s-snin u daħlu wkoll fil-kalendarju ta’ avvenimenti li jsaħħu wkoll il-prodott turistiku tagħna, bħalma hu l-kunċerti tal-MTV.
//= $special ?>