Tmienja minn kull għaxra bi problema kronaka ta’ saħħa mentali, jekk jibqgħu jieħdu l-kura kostanti, jerġgħu lura għall-ħajja normali
Il-Gvern għandu jerġa’ jibda jaħseb u jipprovdi housing soċjali għal pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali li jkunu fl-istadju li jibdew jirriabilitaw lura fis-soċjetà, kif kien isir mill-amministrazzjoni preċedenti. Dan hu importanti minħabba li dawn il-pazjenti għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw bla dar u jispiċċaw jerġgħu jibdew jidħlu regolarment bi problemi ta’ saħħa mentali fl-Isptar Monte Carmeli.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea għamel dan l-appell ġenwin lill-Gvern fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-Awtorità tad-Djar, biex jikkunsidra din l-iskema li l-Awtorità għandha terġa’ tibda tħaddem flimkien mat-tmexxija tal-Isptar Monte Carmeli.
Fisser li diversi pazjenti, bħalma huma dawk bil-kundizzjoni tal-iskisofrenija, kif iħossuhom tajjeb ma jibqgħux jieħdu l-kura u jerġgħu jaqgħu fil-kundizzjoni bi problemi ta’ saħħa mentali. Mario Galea fisser li tmienja minn kull għaxra bi problema kronaka ta’ saħħa mentali, jekk jibqgħu jieħdu l-kura kostanti jerġgħu lura għall-ħajja normali.
Semma numru ta’ raġunijiet oħra għaliex pazjenti jispiċċaw bla dar, u saħaq li din hi realtà. Semma li jkun hemm pazjenti li saħansitra jieħdu qata’ meta jkunu rilaxxati minn Monte Carmeli għaliex ikunu bla dar u ma jkollhomx fejn imorru.
Fakkar li fi żmien amministrazzjoni preċedenti, meta hu kien Segretarju Parlamentari, kien għamel ftehim biex kull sena l-Awtorità tad-Djar tagħti lil Monte Carmeli appartament b’żewġ jew tlett ikmamar tas-sodda, biex pazjenti jkunu jistgħu jgħixu flimkien, bl-għajnuna wkoll tal-Outreach Team ta’ Monte Cameli. Dan biex il-pazjenti jirriabilitaw ruħhom u jirritornaw lura fis-soċjetà.
Fisser li jkunu l-professjonisti ta’ Monte Carmeli li jagħżlu numru żgħir ta’ persuni li jkunu ħadu l-kura, biex jiġu trasferiti lejn dawn l-appartamenti għal perjodu qasir ta’ żmien li jwassalhom biex jirritornaw fis-soċjetà. L-Awtorità tad-Djar tkun biss responsabbli li tagħti l-appartament, u l-Isptar Monte Carmeli jipprovdi l-għamara biex tkun adatta għall-pazjenti li jkunu fi triqithom għal kura kompleta.
B’din is-sistema li kienet bdiet tiġi mħaddma mill-amministrazzjoni preċedenti f’Monte Carmeli, u li bdietl-ewwel mir-Richmond Foundation, Mario Galea qal li l-pazjenti jitgħallmu jerġgħu jkollhom kontroll fuq ħajjithom.
Irrimarka wkoll li l-Isptar Monte Carmeli għadu jġorr sfortunatament stigma kbira u kerha. Sejjaħ din l-istigma bħala traġedja. Fakkar ukoll li hawn persuni li fuq il-Karta tal-Identità għandhom imniżżel li r-residenza tagħhom hi f’Monte Carmeli.
Mario Galea qal li mal-bidla fil-Gvern waqfet din il-prattika ta’ akkomodazzjoni soċjali li tagħti appartament f’sena lil Monte Carmeli. Irrimarka li s-sistema waqfet tort tal-amministrazzjoni li qed titmexxa minn persuna mhux kwalifikata u li ntagħżlet biss fuq mertu ta’ politika partiġjana, bl-għażla taqa’ fuq kandidat Laburista. Persuna bla għarfien jew esperjenza dwar tmexxija ta’ sptar mentali tant li fakkar ukoll li kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn f’attivitajiet għall-pazjenti ndaqqew saħansitra innijiet tal-Partit Laburista.
Appella li din is-sistema u l-prattika għandha tkompli għaliex il-kwalità tal-ħajja lil dawn il-pazjenti tiżboq kull skop ieħor li jista’ jkun hemm.
//= $special ?>