Lokali Parlament

Il-Gvern waqqaf ħesrem l-iskema ‘Kiri’ bi sħubija mal-privat

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri talab fil-Parlament lill-Gvern jispjega għaliex waqqaf ħesrem l-iskema ‘Kiri’ li kienet tipprovdi akkomodazzjoni soċjali bi sħubija mal-privat u li għenet diversi familji fil-bżonn.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, qal meta tkellem fid-dibattitu dwar ir-rappport tal-Awtorità tad-Djar, li l-qasam tal-housing jeħtieġ li jkun indirizzat b’mod aktar trasparenti biex jinqeda min hu l-aktar fil-bżonn.

Fisser li l-qasam soċjali hu qasam li għandu jkun prijorità ewlenija għall-gvern li jeħtieġ jindirizzah biex issir ġustizzja ma’ dawk li jeħtieġu l-akkomodazzjoni soċjali.

Il-qasam soċjali rridu nħarsu lejh bħala forma oħra ta’ investiment fis-servizz soċjali biex persuni u familji jkunu jistgħu jtejbu l-kwaltà tal-ħajja tagħhom u ma jitħallewx nies u familji jgħixu f’xi forma ta’ faqar.

Appella għar-reviżjoni fil-kirjiet tal-akkomodazzjoni tal-Gvern biex familji li ntlaqtu ħafna ħażin minn dawn iż-żidiet qawwija li saru mill-Gvern bil-piż ta’ ħlasijiet aktar għall-akkomodazzjoni soċjali, ikunu jistgħu jlaħħqu wkoll mal-għoli tal-ħajja.

Appella għal bżonn ta’ titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ familji fil-bżonn bi skemi li jipprovdu l-għajnuna. Saħaq li hu għalhekk li l-qasam soċjali rridu nħarsu lejh b’responsabbiltà u b’simpatija biex dawk l-aktar fil-bżonn ikunu verament megħjuna.

Filwaqt li rrikonoxxa li din hi problema ta’ kull gvern biex ilaħħaq mat-talbiet għall-akkomodazzjoni soċjali, Stephen Spiteri qal li hu importanti li nħarsu lejn dik is-sitwazzjoni delikata ta’ każijiet ġenwini li jeħtieġu li jingħataw prijorità.

Appella lill-Gvern jikkunsidra u jieħu azzjoni fuq sitwazzjonijiet ta’ persuni li qed jgħixu fi djar tal-anzjani iżda li għadhom bi ċwievet ta’ djar tal-gvern. Dan biex l-akkomodazzjoni tintuża lil min hu fil-bżonn.

Ippropona wkoll lill-Gvern jikkummissjona studju dwar id-djar tal-Gvern li huma magħluqa u mhux okkupati. Dan biex il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali jkompli jingħata importanza lil dawk il-familji l-aktar fil-bżonn li jeħtieġ li jkunu moqdija.

Appella għal investiment finanzjarju biex dan il-qasam ikun qed jilqa’ l-isfidi li qegħdin dejjem jikbru.