Internazzjonali

Aġġornata: Il-Konservattivi b’maġġoranza assoluta, David Cameron jiltaqa’ mar-Reġina

12.55pm: Wara li kiseb maġġoranza assoluta ta’ 326 siġġu fil-House of Commons, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron għadu kif temm laqgħa mar-Reġina Eliżabetta, bħala l-Kap tal-Istat, f’Buckingham Palace.

Iżda dan ir-riżultat fisser ir-riżenja ta’ numru ta’ mexxejja politiċi, fosthom tal-Mexxej Laburista Ingliż Ed Miliband, li refa’ r-responsabbiltà personalment għal din id-disfatta.

Aktar kmieni …
Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qed jittama li jmexxi Gvern b’maġġoranza assoluta, hekk kif l-aħħar tbassir qed juri maġġoranza marġinali ta’ tliet siġġijiet aktar mit-326 siġġu meħtieġ fil-House of Commons. Hekk kif fadal l-aħħar ftit siġġijiet bogħod mit-tmiem tal-għadd tal-voti, il-Konservattivi diġà fadlilhom biss ftit siġġijiet mill-maġġoranza meħtieġa.

Dan ir-riżultat ifisser telfa diżappuntanti ħafna għal-Laburisti mmexxija minn Ed Miliband. Il-media Ingliża qed tikkwota persuni qrib il-Labour Ingliż jgħidu li l-Mexxej laburista mistenni jirriżenja wara din id-disfatta, li fissret ukoll telf ta’ numru sostanzjali ta’ siġġijiet, li ttieħdu mill-Iscottish National Party fl-Iskozja.

Sa mill-ewwel exit polls, deher ċar li l-Konservattivi ta’ David Cameron rebħu din l-elezzjoni. Madankollu, il-Prim Ministru Ingliż baqa’ kawtel ħafna u fl-ewwel reazzjoni qal biss li l-għan tiegħu jibqa’ li jmexxi Gvern għal kulħadd fir-Renju Unit. Flimkien ma’ martu Samantha, David Cameron irritorna f’10 Downing Street, filwaqt li aktar tard mistenni jkollu laqgħa mar-Reġina Eliżabetta bħala l-Kap tal-Istat.

Min-naħa tiegħu, fl-ewwel reazzjoni wara li ġie elett f’Doncaster, il-Mexxej Laburista Ed Miliband qal li r-riżultat juri biċ-ċar li dak li għadu kif għadda kien lejl diżappuntanti u diffiċli ħafna għall-Partit Laburista Ingliż.