Internazzjonali

Ippruvat taqsam għal Spanja b’tifel ġol-bagalja

Il-Pulizija Spanjola qalet li tifel ta’ tmien snin, li ġej mill-Kosta tal-Ivorju, spiċċa magħluq ġo bagalja waqt li tfajla ippruvat tivvjaġġa bih mill-Marokk lejn Spanja.

It-tifel, li jismu Abou, instab ġol-bagalja li kienet qed iġġorr din it-tfajla ta’ 19 il sena waqt li ppruvat taqsam lejn Ceuta; iz-zona taħt amministrazzjoni Spanjola qrib il-Marokk.

Meta l-pulizija tal-Gwardja Ċivili fetħu l-bagalja sabu lit-tifel ġewwa u sostnew li ‘hu, dak il-ħin, kien fi stat terribbli’. Mifhum li tifel, issa, qegħdin jieħdu ħsiebu l-awtoritajiet fl-inħawi ta’ Ceuta.

Il-gazzetta Spanjola El Pais irrappurtat li t-tfajla inkwistjoni mhix membru tal-istess familja tat-tifel u wara sar magħruf li ‘hi kienet tħallset il-flus biex iġġorr din il-bagalja.’ Missier Abou hu residenti fil-Gżejjer Kanaarji u kien qed jittama li – b’dan il-mod – seta’ jingħaqad mill-ġdid ma’ ibnu.