Is-sidien tal-art li tinsab f’Żona barra mill-Iżvilupp, u li fiha l-Gvern irid jagħmel il-proġett ta’ Università fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta hi ta’ persuni magħrufa li huma qrib l-eks Ministru Laburista Lorry Sant.
Il-ġurnal The Times of Malta żvela li s-sidien tal-art ODZ magħżula fiż-żona ta’ Wied il-Għajn huma Michael Axisa, magħruf bħala il-Lay Lay, Piju Camilleri, Joe Chetcuti, Norman Clews, Joe Formosa, Joe Camilleri, Paul Abela u Manuel Farrugia. The Times irrapporta li hu mifhum li l-Gvern għamel offerta lil kull wieħed minn dawn is-sidien u qed jistenna l-konferma tagħhom, għalkemm il-Gvern dejjem għandu l-għażla li jesproprja l-art.
B’hekk qed ikomplu jiġu żvelati dettalji kontroversjali dwar dan il-proġett wara li lbieraħ ġie żvelat li, minkejja l-pompa kollha tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Università DePaul mhi se tiftaħ l-ebda Kampus f’pajjiżna. Fil-jiem li għaddew, l-Oppożizzjoni sostniet li l-Gvern għandu jagħti d-dettalji kollha tal-proġett, inkluż liema huma l-assi Maltin li n-negozjanti barranin se jkunu qed jakkwistaw.
Sadanittant, fi stqarrija l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal li jqumu ħafna mistqosijiet mill-aħbar tal-Gvern li se ssir l-Università fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Il-KSU rrimarka n-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwar il-proġett ta’ Università ppjanata għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, bil-Kunsill u l-Università ta’ Malta ma jkunux ikkonsultati fuq il-proġett.
Il-KSU esprima d-diżappunt li ma sarx studju dwar kif Università oħra taffetwa lill-Università ta’ Malta, filwaqt li l-isem American University of Malta jista’ jwassal ukoll biex studenti barranin jaħsbu li din hi estensjoni tal-Università ta’ Malta, meta fil-fatt m’hemm l-ebda rabta bejn it-tnejn.
Il-KSU qal ukoll li jekk jingħata stipendju lill-istudenti barranin, dan mhux biss imur kontra r-regolamenti fuq l-għoti ta’ stipendji, iżda tinħoloq ukoll sitwazzjoni diskriminatorja. Il-KSU qal li minħabba li ma sarx ippjannar kif xieraq, jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjoni fejn iż-żewġ Universitajiet jibdew jikkompettu għal-Lecturers b’taqtigħa bejniethom fuq salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol.
Filwaqt li rrikonoxxa li l-Gvern qed jippjana li jkompli jinvesti fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja, il-KSU tenna l-appell li jingħata aktar informazzjoni dwar dan il-proġett.
//= $special ?>
