Is-sejba tas-sottomarin HMS Urge, tar-Royal Navy, solviet misteru li dam aktar minn 70 sena, mindu s-sottomarin kien għeb waqt vjaġġ minn Malta lejn Lixandra, fl-Eġittu.
Il-familji tad-29 membru tal-ekwipaġġ tal-HMS Urge u l-għaxar passiġġieri ta’ fuqu kienu ilhom dan iż-żmien kollu jistennew aħbar jew informazzjoni dwar x’għadda tassew mill-għeżież mitlufa.
Kellu jkun Jean Pierre-Misson – bugħaddas u arkeologu Belġjan ta’ 76 sena – li sab il-fdalijiet tas-sottomarin f’50 metru fond, fil-baħar, lil hinn mill-kosta tal-Libja. Hu mifhum li l-HMS Urge għereq fil-Mediterran, fl-1942, waqt l-eqqel tat-Tieni Gwerra, wara li spiċċa attakkat minn ajruplan Taljan. Is-sottomarin kien qed juża bażi f’Malta biex jattakka u jgħarraq il-vapuri Taljani bejn l-1941 u l-1942 waqt li kellu rwol ewlieni fl-impenji tal-Alleati biex ma jħallux il-provvisti jaslu għand it-truppi Nażisti tal-Ġeneral Erwin Rommel, li kienu qed imexxu kampanja militari fl-Afrika ta’ Fuq.
Il-HMS Urge għeb mingħajr ma ħalla traċċi fid-29 ta’ April tal-1942 u Misson qed jgħid li ma jafx kif il-qraba tal-ewkipaġġ tas-sottomarin se jieħdu l-aħbar tas-sejba.
Jean Pierre-Misson skopra l-fdalijiet tas-sottomarin wara li uża sistema tas-sonar f’Marsa el Hilal, qrib Tobruk, lil hinn mill-kosta tal-Libja.
Is-sorsi uffiċjali kienu ilhom jgħidu li s-sottomarin x’aktarx ħabat ma’ mina lil hinn mill-kosta ta’ Malta iżda kien hemm teorija oħra, ibbażata fuq rapporti tal-qawwiet tal-baħar Ġermaniżi, li fid-29 ta’ April 1942, jumejn biss wara li telaq minn Malta, l-HMS Urge kien attakka l-vapur Taljan San Giusto, fl-ibħra ’l barra minn Ras Hilal.
F’din iz-zona kien hemm konvoj żgħir ta’ vapuri Ġermaniżi b’ajruplan Taljan – biplane tat-tip CR.42 – bħala skorta. Intant, waqt li s-sottomarin Britanniku kien qed jattakka lis-San Giusto, l-ajruplan tefagħlu l-bombi, u l-HMS Urge għereq u mietu n-nies kollha ta’ fuqu.
Aktar f’IN-NAZZJON tas-Sibt
//= $special ?>