Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-fatt li l-impjiegi full-time żdiedu bi 3.6% fl-2014, iżda huwa ta’ tħassib li n-numru ta’ impjiegi mal-Gvern kiber bi kważi 5%, waqt li ż-żieda fis-settur privat kienet biss ta’ ftit aktar minn 3%.
Tħassib miċ-ċifri ppubblikati huwa marbut mar-rata dejjem akbar ta’ persuni jaħdmu part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom. Dan naturalment iħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Wara snin twal ta’ tkabbir tal-impjiegi mas-suq privat, pajjiżna reġa’ mar lura għal sitwazzjoni fejn persuna minn kull tlieta lum jaħdmu mal-Gvern. Din hi r-realtà wara ftit biss aktar minn sentejn ta’ Gvern Laburista. Din ir-realtà għandha impatt qawwi fuq is-sostenibbilità tal-finanzi ta’ pajjiżna, u tixħet dawl fuq il-qagħda tas-settur privat ta’ pajjiżna. Fuq medda ta’ sentejn, l-ispiża fuq il-pagi tal-Gvern se tkun żdiedet b’€127 miljun.
Dawn iċ-ċifri jkomplu jitfgħu dubju fuq is-sostenibbilità tal-istrateġija ekonomika tal-Gvern. Ir-rendiment mhux sostenibbli tal-ekonomija reġà ġie kkonfermat illum mill-NSO, fejn ġie rreġistrat tnaqqis ieħor fil-produzzjoni industrijali, li ċkienet f’disa’ mill-aħħar tnax-il xahar.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsist għal inizjattivi ekonomiċi li jixprunaw lis-settur privat jinvesti fis-setturi produttivi tal-ekonomija li jħallu ġid aktar fit-tul, impjiegi ta’ kwalità aħjar u jgħinu jsaħħu s-sostenibbilità tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.
//= $special ?>