Il-President Russu Vladimir Putin għandu €6 miljun lesti biex jonfoqhom fuq teknoloġija Russa biex il-parata t’għada, li tfakkar is-70 anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija u l-15-il sena tiegħu bħala President tal-pajjiż, isseħħ taħt sema tiżreġ.
Rapporti qed jgħidu li l-Kremlin se juża teknoloġija li kien sperimenta diġà Stalin, fejn ajruplani jintbagħtu minn kmieni filgħodu biex jitfgħu kimika apposta fuq is-sħab, f’għoli ta’ 8,000 metru, qabel dawn jaslu fuq Moska. B’hekk iġagħluhom jagħmlu x-xita qabel jaslu fuq il-belt.
B’riżultat t’hekk, Moska mistennija tkun taħt ix-xemx jew almenu f’kundizzjoni niexfa għalkemm il-postijiet ’il barra minnha għandhom jistennew ħafna xita.
Il-kimika diġà ġiet ippruvata drabi oħra u Moska għandha l-provi li taħdem. Rapporti qed jgħidu li din it-teknika tintuża spiss fir-Russja u darba minnhom intużat qabel kunċert kbir ta’ Michael Jackson. Madankollu, il-parata ta’ Jum il-Vittorja tal-2012 saret taħt ix-xita.
Ir-Russi jiċħdu li din il-kimika tista’ tagħmel ħsara lill-ambjent.
Il-parata mistennija turi s-saħħa militari ta’ Vladimir Putin, f’dak li ħafna qed iqisu bħala sinjal ċar lill-pajjiżi tal-Punent biex ma jissottovalutawhx. Se tinkludi wkoll tipi ta’ tankijiet tal-gwerra, li mistennija jibdew jintużaw mis-sena d-dieħla, u li huma meqjusa l-iktar b’saħħithom fid-dinja.
Ħafna mexxejja tal-Punent mistennija jagħmlu bojkott lill-attività minħabba l-azzjoni militari Russa fl-Ukraina imma l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, li flimkien mal-President Franċiż Francois Hollande kienet strumentali għall-ftehim ta’ paċi, mistennija tattendi. Mistenni jkun hemm ukoll il-President Ċiniż Xi Jinping u l-President Kuban Raul Castro kif ukoll il-kap tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon.
//= $special ?>