Internazzjonali

Tfajliet fin-Nepal fil-mira ta’ kriminali għall-prostituzzjoni

Traffikanti tal-bniedem, li jużaw persuni għal skopijiet sesswali, qed jisfruttaw id-diżastru li ħalla t-terremot fin-Nepal ix-xahar li għadda biex jattiraw mijiet ta’ eluf ta’ nisa u tfajliet imma mbagħad jużawhom bħala skjavi sesswali għall-prostituzzjoni.

Ħaddiema tan-Nazzjonijiet Uniti qed iwissu biex nisa u tfajliet joqgħodu attenti għax hu f’mumenti wara diżastri naturali li ħafna traffikanti sesswali jżidu l-ħidma tagħhom, uħud saħanistra jmorru fil-post lebsin ta’ ħaddiema tas-salvataġġ.

Hekk kif in-numru tal-vittmi tat-terremot fin-Nepal qabeż is-7,500, in-Nazzjonijiet Uniti tistma li kull sena, minn dan il-pajjiż biss, ikun hemm madwar 15,000 mara jew tfajla li jiġu ttraffikati għal skopijiet sesswali f’pajjiżi viċin bħall-Indja imma wkoll fil-Korea t’Isfel.

Ħaddiema tas-salvataġġ f’Katmandu qalu li huma jafu b’nies fl-irħula li xogħlhom hu li jikkonvinċu qraba ta’ tfajliet biex dawn jintbagħtu barra l-pajjiż, imbagħad hemm nies oħrajn li jidħlu fin-nofs biex jagħmlu n-negozjati.

Ġurnalist minn The Guardian qal li hu tkellem ma’ tfajla ta’ 20 sena, bl-isem Sita, li rrakkuntat li għamlet sena sħiħa maqfula għall-prostituzzjoni fl-Indja u kienet imġiegħla jkollha x’taqsam sesswalment sa 30 darba kuljum, kull jum tas-sena, mingħajr ebda protezzjoni għal saħħitha. Qalet li hi kienet inħatfet fis-satra tal-lejl minn darha u ttieħdet l-Indja. Damet tgħix din is-sitwazzjoni għal sena sħiħa sakemm inħelset mill-Pulizija.