Sensiela ta’ dawl qawwi u oġġetti strambi jtiru fil-baxx billejl f’Auckland, fi New Zealand, ħallew lil ħafna jhewdnu jekk verament jeżistux l-Unidentified Flying Objects jew UFOs.
L-aħħar każ seħħ nhar it-Tlieta, meta persuna qalet li rnexxielha tiġbed filmat ta’ oġġett li deher jaqbad bin-nar imma fl-istess ħin itir fil-baxx u jħalli daħna warajh.
Din is-sena s’issa kien hemm mill-inqas 12-il rapport ta’ dehriet ta’ oġġetti strambi f’inħawi differenti fuq New Zealand. Bejn l-aħħar t’April u l-ewwel ġranet ta’ Mejju kien hemm diversi li qalu li raw oġġetti ta’ lewn oranġjo li kienu qed itiru fil-baxx billejl.
Fuq Facebook dehru diversi kummenti fosthom ta’ persuna li qalet li rat żewġt iblalen oranġjo li għall-ewwel kellhom qisu denb u li f’ħin minnhom sparixxew b’veloċità qawwija u mingħajr ħsejjes.
Persuna oħra rrappurtat erbat idwal oranġjo jgħaddu b’veloċità minn fuq il-belt waqt li studenta, Katherine Manzi, qalet li ġibdet filmat ta’ dawl kbir oranġjo li għadda fil-baxx ħafna minn fuq id-dar tagħha u f’ħin minnhom sparixxa.
Imma għal-lecturer fl-Università ta’ Auckland u espert tal-meteoriti, Dr Joel Schiff, id-dawl li raw ħafna aktarx kien biss oġġetti tal-metall li kienu qed jidħlu fl-atmosfera tad-dinja. Qal li jekk dawn dehru f’inħawi differenti tal-pajjiż, aktarx kienu oġġetti li huma u deħlin fl-atmosfera kienu qed jitfarrku u jieħdu n-nar.
//= $special ?>