Internazzjonali

Cameron diġa’ beda jmidd idejh għax-xogħol

Il-Prim Ministru Britanniku u Kap Konservattiv David Cameron diġa’ medd idejh għax-xogħol wara r-rebħa impressjonanti fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar il-Ħamis u fejn qed jiffinalizza l-ewwel Kabinett magħmul kollu kemm hu mill-Konservattivi.

Cameron reġa’ ħatar li George Osborne bħala Kanċillier tal-Finanzi u li għandu wkoll responsabbilta bħala l-Ewwel Segretarju tal-Istat. Intant, żammew il-karigi tagħhom il-Ministru tal-Intern, Theresa May, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Philip Hammond, u l-Ministru tad-Difiża Michael Fallon. Fl-istess ħin, il-Prim Ministru għandu jikkonferma aktar dekasteri min-nhar it-Tnejn.

Min-naħa tagħhom, il-Partit Laburista u l-Partit Liberali Demokratiku bdew jippreparaw biex jagħżlu mexxejja ġodda wara r-riżenji rispettivi ta’ Ed Miliband u Nick Clegg, b’konsegwenza tad-disfatti elettorali li ġarrbu. Anki l-Partit radikali UKIP irid jagħżel mexxej ġdid wara r-riżenja ta’ Nigel Farage, bit-tlett partiti qed janalizzaw l-aħjar elementi tagħhom li jistgħu jkunu ta’ Oppożizzjoni denja għall-Gvern ta’ Cameron.

Andy Burnham u Yvette Cooper qed jissemmew fost il-favoriti għall-kariga vakanti ta’ Kap Laburista waqt li Tim Farron u Norman Lamb qed jikkuntestaw għat-tmexxija tal-Liberali Demokratiċi.

Min-naħa tagħha, Nicola Sturgeon, il-Kap tas-Scottish National Party li kaxkar il-vot fl-Iskozja, ħejjiet il-laqgħat mas-56 deputati parlamentari ġodda tal-partit fil-belt ta’ Edinburgh.

Sadanittant, il-Partit Konservattiv fil-Gvern għamel il-kisbiet ukoll fl-elezzjonijiet lokali li saru fl-Ingilterra fejn rebaħ aktar minn 400 siġġu.

Fi żvilupp ieħor, David Cameron, li l-partit tiegħu tella 331 deputat fil-Parlament ta’ Londra u wiegħed li se jmexxi għal pajjiż u poplu wieħed, kellu diġa t-taħditiet ma’ Nicola Sturgeon. Dan meta s-Scottish National Party mistenni jinsisti għal aktar poteri lill-Parlament Skoċċiż fuq livell li jmur ‘il hinn minn dak propost mis-Smith Commission wara r-referendum tas-sena l-oħra għal Skozja indipendenti.