Internazzjonali

Ġuvni arrestat f’Melbourne irid iwieġeb dwar ‘aġir terroristiku’

Il-Pulizija fl-Awstralja arrestat ġuvni ta’ 17 il-sena fuq akkużi dwar it-terroriżmu. L-arrest seħħ ġo sobborg ta’ Melbourne u l-pulizija sostniet li evitat kumplott biex isiru l-isplużjonijiet tal-bombi m’humiex sofistikati fil-qalba ta’ din il-belt.

Il-ġuvni li qed jinżamm taħt arrest ma ssemmiex iżda għandu jitressaq il-qorti nhar it-Tnejn. Hu mistenni jwieġeb għall-akkużi li kien qed iħejji għal ‘azzjoni terroristika’ u li kien inqabad fil-pussess ta’ ‘affarijiet relatati għall-aġir bi skop terroristiku’.

Ir-rapporti qalu li l-pulizija, nhar il-Ġimgħa, daħlet tfittex ġo dar fi Greenvale, li hu wieħed mis-sobborgi ta’ Melbourne.

Dan wara li, ix-xahar li għadda, spiċċaw arrestati ħames irġiel – ukoll fl-inħawi ta’ Melbourne – talli huma, allegatament, kienu qed jippjanaw attakk speċifiku waqt iċ-ċerimonji ta’ Anzac Day.