Ambjent Lokali

“Il-Gvern għandu jieqaf jaħlilna l-ħin b’laqgħat kosmetiċi”

L-għaqdiet ambjentali jesprimu tħassib u diżappuntatgħal mod kif qed tkun trattata l-art agrikola Maltija

Ikomplu jiżdiedu l-mistoqsijiet li l-Gvern Laburista għadu jrid iwieġeb, b’rabta mal-Univerita’ Amerikana f’Malta.

Numru ta’ għaqdiet ambjentali ssieħbu flimkien biex jesprimu d-diżappunt tagħhom għal mod kif il-Gvern qed jinnegozja dan il-proġett mas-sidien privati ta’ artijiet ta’ Żonqor Point, negozjati li l-ġurnal The Times of Malta żvela li qed isiru ma’ sidien li huma qrib tal-eks Ministru Laburista Lorry Sant.

Ir-Ramblers’ Association of Malta, Flimkien Għal Ambjent Ahjar (FAA), Malta Organic Agriculture Movement (MOAM), Friends of the Earth Malta (FoE) u l-Kollettiv Terrafirma għaqqdu l-ilħna tagħhom flimkien f’kundanna għal mod kif il-Gvern qed jagħmel bil-kontra ta’ dak li kien qalilhom li qed jagħmel, f’laqgħa tal-aħħar sekonda, li saret lejliet il-ftehim tal-Gvern mal-investituri mill-Ġordan.

Waqt din il-laqgħa, l-NGOs ingħataw l-impressjoni li l-Gvern kien sejjer jikkunsidra bis-serjeta’ li jsib post ieħor għal din l-Universita’, minflok iħalli li din tinbena fuq 90,000 metru kwadru ta’ art li suppost m’għandhiex tinbena.

Huma jiddispjaċihom li r-riżorsi tal-pajjiż qegħdin jinħlew b’dan il-mod, speċjalment meta tqis li dan il-proġett ħa jeqred 1% tal-art agrikola li għad fadal f’Malta, waqt li siti storiċi fejn jista’ jiġi akkomodat dan il-proġett qegħdin jitħallew jaqgħu biċċiet. Ħabbru wkoll li bosta bdiewa li jaħdmu fl-inħawi stqarrew magħna li huma inkwetati li dan il-proġett ħa jintuża biex fil-futur jinfetħu l-inħawi kollha għall-iżvilupp u b’hekk iħassar wieħed mill-isbaħ postijiet naturali u mhux mittiefsa tal-kosta Maltija.

Jekk l-eżerċizzju sabiex jinstab post ieħor mhux qiegħed jittieħed bis-serjeta’ mill-Gvern, mela allura dan m’għandux ikompli jaħli l-ħin tagħna b’dan il-mod, tennew l-għaqdiet, li qalu li kollox jindika li l-laqgħa li sejjaħ magħhom kienet biss eżerċizzju kosmetiku.

Intant, l-għaqda Din l-Art Ħelwa qalet li din is-sitwazzjoni hija inaċċettabli, speċjalment meta persuni fil-Gvern qed jgħidu li dan il-proġett huwa vijabbli biss jekk art barra ż-żona tal-iżvilupp tintuża għalih.

Il-Gvern qed jagħti din l-art lil żviluppaturi barranin, u jħallihom iżidu l-valur tagħha għal xi 100 miljun ewro, qalet Din l-Art Ħelwa, u dan meta din l-istess art qed tittieħed mingħand il-Maltin, kemm ta’ issa, kif ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri.

L-eżerċizzju li bih qed jinstabu siti alternattivi għal dan il-proġett probabbilment huwa kollu daħk fil-wiċċ, bħal ma kienet il-laqgħa li sejjaħ il-Gvern fl-aħħar sigħat qabel ma ħabbar dan il-proġett.

Dan kollu jkompli juri kemm il-Gvern huwa konvint li jrid jiżviluppa l-art ta’ bejn iż-Żonqor u x-Xgħajra, fejn l-ewwel kien propona li jibni tliet lukandi u issa qed jipproponi din l-Universita’.