Lokali

Il-Prim Ministru jinawgura proġett ieħor ta’ Gvern Nazzjonalista

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ inawgura t-tlestija ta’ proġett ta’ restawrar tal-parti ta’ fuq il-Forti Sant’Iermu fil-belt Valletta. Il-proġett li sewa €15.5 miljun, inkluż fondi Ewropej, kien ikkummissjonat minn Gvern Nazzjonalista u involva wkoll tiġdid tal-Mużew Militari ta’ Malta.

Iċ-ċerimonja bdiet b’rappreżentazzjoni mill-Grupp Żfin Malta biex wara l-Forzi Armati ta’ Malta u l-Korp tal-Pulizija taw wirja mill-isbaħ permezz ta’ parati separati.

pr151020c

Ix-xogħol beda fl-2012 u wassal biex inkixxfu numru ta’ mini li qabel ma kinux magħrufa, inkluż kmamar ta’ taħt l-art u l-pedament ta’ mitħna li tmur lura għal qabel l-okkupazzjoni Ingliża.

Issa l-Forti Sant’Iermu se jingħata f’idejn Heritage Malta. Hu għandu storja twila ta’ magna tal-gwerra li dejjem ġiet addattata u aġġornata tul iż-żminijiet. Fil-fatt il-binijiet li jeżistu fil-Forti saru f’diversi fażijiet bejn is-sena 1400 u l-1979. Il-post strateġiku tal-Forti li jiddefendi żewġ portijiet wassal biex kellu rwol kruċjali tul l-istorja, l-aktar fl-Assedju l-Kbir u it-Tieni Gwerra Dinjiija.

Il-Mużew tal-Gwerra mifrux f’diversi binjiet fil-forti jirrakonta l-istorja militari ta’ Malta minn żmien il-preistorja sal-lum.