Ir-Russja fakkret is-70 anniversarju tar-rebħa fuq il-Ġermanja Nazzista fit-Tieni Gwerra Dinjija, fejn organizzat l-akbar parata militari fl-istorja tagħha, fil-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska.
Filwaqt li spikkaw ir-riġmenti tas-suldati huma u jimmarċjaw fil-pjazza, kienu anki ppreżentati għall-ewwel darba diversi tipi ta’ tankijiet tal-gwerra ġodda. Iżda waqt li numru ta’ distinti barranin kienu preżenti għaċ-ċerimonja, il-maġġoranza tal-Mexxejja tal-Punent ma attendewx minħabba r-rwol tar-Russja fil-kriżi tal-Ukrajna.
Il-President Russu, Vladimir Putin, intant, tkellem dwar it-theddida li żviluppat fis-snin riċenti għall-kunċett tal-kooperazzjoni globali. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, li kien qed jitkellem fi Kiev, akkuża lil Putin b’li qed jipprova jiġġustifika l-aggressjoni kontra pajjiżu.
Ir-Russja tiċħad l-akkużi tal-Punent li qed tipprovdi l-armi lir-ribelli separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant. Dan wara li tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 6,000 persuna mindu, f’April tal-2014, żbroffa l-ġlied bejn dawn is-separatisti u l-qawwiet Ukreni fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk.
//= $special ?>