L-għoti tad-demm huwa depożitu ta’ mħabba konkreta lill-proxxmu.
Kliem l-Arċisqof Charles J Scicluna meta dalgħodu għamel żjara fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamangia. L-Arċisqof irirngrazzja lil dawk kollha li jagħtu d-demm u appella biex iktar nies jingħaqdu f’dan il-ġest ta’ ġenerożita’.
Matul iż-żjara tiegħu l-Arcisqof iltaqa’ mad-diriġenti u l-istaff tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, kif ukoll ma’ persuni li kienu qed jagħtu d-demm.
Preżenti wkoll waqt iż-żjara tal-Arcisqof kien hemm grupp ta’ ċiklisti li iktar tard din is-sena, f’Lulju, se jkunu qed jipparteċipaw f’maratona ta’ 2000 km ċikliżmu fl-Iżlanda bħala parti fil-Life Cycle ta’ din is-sena bil-għan li jinġabru fondi għat-Transplant Support Group u l-pazjenti milquta minn mard fil-kliewi.
L-Arċisqof kellu wkoll l-opportunita’ li jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tat-Transplant Support Group li tkellmu mal-Arċisqof dwar il-ħidma tagħhom biex iktar nies jirreġistraw biex ikunu donaturi tal-organi wara mewthom. Huwa stmat li minn meta twaqqaf dan is-Support Group madwar 30,000 persuna rreġistrat bħala donatur tal-organi – numru li jagħmel lil Malta wieħed mill-aqwa pajjiżi fl-Ewropa.
L-Arċisqof Scicluna ħabbar ukoll li l-Knisja qed fl-aħħar fażi tat-tħejjija tar-reazzjoni tagħha għal White Paper dwar id-Donazzjoni tal-Organi.
//= $special ?>