Fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija ta’ Kontra l-Frodi, fuq ordni diretta mill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, elevat numru ta’ files fil-Ministeru għal Għawdex bl-iskop li jkunu investigat b’rabta ma’ xogħlijiet fil-privat li saru fl-aħħar sentejn b’ħaddiema tal-Gvern u b’riżorsi tal-Gvern.
Il-Mument illum fi storja tal-ġurnalist Joe Mikallef żvelat kif fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija ta’ Kontra l-Frodi marret f’Għawdex u ħadmet għal numru ta’ ġimgħat b’rabta ma’ informazzjoni li kienet waslitilha li f’Għawdex kienu saru xogħlijiet fil-privat permezz ta’ ħaddiema tal-Gvern u b’riżorsi tal-Gvern, b’volum qawwi ta’ ħaddiema u materjal joħroġ mill-Kejselli (id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’Għawdex) li llum hu mmexxi minn Anton Debono li kulħadd jaf li hu persuna qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo.
Anton Debono, magħruf ukoll bħala ‘In-Niksu’ u li jiġi ħu Lino Debono l-eks Membru Parlamentari Laburista, ilu jmexxi l-Kejselli sa minn wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013 wara li nħatar hemmhekk mill-Ministru Anton Refalo.
Hu fatt magħruf li lill-Pulizija fl-aħħar ġimgħat waslitilha ħafna informazzjoni dwar allegati xogħlijiet fil-privat fl-aħħar sentejn minn kemm ilu Anton Refalo fil-kariga ta’ Ministru għal Għawdex.
Fil-jiem li għaddew kienu diversi l-abbużi ta’ xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern u b’riżorsi u b’materjal tal-Gvern f’Għawdex li kienu żvelati fil-media.
Fost l-oħrajn kien żvelat kif matul ix-xhur li għaddew żewġ persuni xtraw proprjetà fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u wara għamlu talba għall-permess tal-MEPA biex f’din il-proprjetà privata jiżviluppaw żewġ veranda. Il-MEPA ipproċessat din it-talba u ħarġet il-permess biex f’din id-dar mixtrija minn żewġ persuni jkunu żviluppati dawn iż-żewġ veranda.
Madankollu minflok ma sar hekk, kienu żviluppati żewġ garaxxijiet li fihom ikunu pparkjati l-karozzi! Dan mhux skont il-permessi maħruġa mill-MEPA.
Il-Mument żvelat wkoll kif f’ammont ta’ xogħlijiet li saru fuq dan is-sit – li biex setgħu jkunu żviluppati l-garaxxijiet kellha titwaqqa’ l-faċċata tal-binja – kienu involuti wkoll ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex!
Żvelat ukoll kif biex is-sidien ta’ din il-proprjetà jkunu akkomodati mill-koxxa nqalgħet parti mill-bankina ta’ Triq San Duminku u minflok saret rampa!
Aktar allegati xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern u b’riżorsi tal-Gvern saru fi proprjetà privata fi Triq il-Ħorġ f’Ta’ Kerċem, xogħlijiet ta’ tikħil f’dar privata fix-Xagħra, xogħlijiet ta’ passaġġi fir-raba’ f’Wied il-Għexieren fix-Xagħra u xogħlijiet f’għelieqi privati fl-Għasri u xogħlijiet f’Tas-Sanap fil-Munxar b’rabta’ ma’ trinka għal servizzi lil razzett tal-baqar.
Ix-xogħlijiet li qed nirriferu għalihom huma biss ftit mill-każi li saru fl-aħħar xhur. Bla dubju ta’ xejn li l-investigaturi jaslu mhux biss biex jistabbilixxu ta’ min huma dawn il-proprjetajiet, imma anki l-konnessjoni tas-sidien ma’ rjus kbar viċin il-Ministeru għal Għawdex.
//= $special ?>