Zynga, il-kumpanija li ħolqot il-logħba ferm popolari fuq Facebook Farmville, qed tkeċċi wieħed minn kull ħamsa mill-ħaddiema tagħha wara li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena għamlet telf ta’ iktar minn €40 miljun.
Il-kumpanija qed tbati biex tirrepeti s-suċċessi tal-ewwel snin u qed tippjana li tkeċċi madwar 360 ħaddiem bit-tama li tiffranka mad-€90 miljun.
Il-fundatur tal-kumpanija, li rritorna ma’ Zynga x-xahar li għadda, qal li din kienet deċiżjoni iebsa ħafna għalihom imma ma setgħux jagħmlu mod ieħor.
Minkejja t-telf, l-ishma tal-kumpanija żiedu l-valur b’madwar 11% u d-dħul irreġistra żieda ta’ madwar 9%.
Anke n-numru ta’ klijenti li bdew jużaw din il-logħba kull ġurnata, żdied b’madwar 18% fl-aħħar sena.
Zynga ħabbret ukoll li se tniedi sa tmien logħbiet ġodda din is-sena waqt li l-kumpanija se tfittex li tiffoka iktar fuq logħob tal-ażżard, mhux logħob sportiv, biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha.
//= $special ?>