Għawdex Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għalfejn Joseph Muscat għadu qed jaħbi lil Anton Refalo?

Jekk hemm politiku li għandu bżonn parir, hu l-Prim Ministru Joseph Muscat, ghaliex ma jafx x’se jaqbad jagħmel fil-każ tal-Ministru Anton Refalo. Sa issa, l-uniku ħaġa li għamel hu li ddefenda lill-Ministru Anton Refalo minkejja l-allegazzjonijiet serji li hemm fil-konfront tiegħu.

Dan sostnih il-PN fi stqarrija bi tweġiba għad-diskors li għamel il-Prim Ministru Jopeh Muscat dalgħodu
 
Il-PN qal li l-parir li għandu jieħu Muscat hu li jmexxi bl-eżempju, u jkun serju fit-tmexxija tiegħu. Pero’ jidher biċ-ċar li Muscat moħħu f’kulħadd barra fih innifsu. Muscat għandu jgħid ċar u tond x’se jagħmel fil-każ ta’ Anton Refalo, u jekk hux se jieħu passi.
 
Wieħed jifhem li Muscat jinsab dahru mal-ħajt għax ma jafx kif jista’ jiffaċċja Ministru tiegħu, meta hu stess indaħal f’negozjati ma’ sid ta’ kafetterija falluta u li tah €4.2 miljun mit-taxxi tagħna lkoll. Mhux ta’ b’xejn li l-lista ta’ Deputati u Ministri Laburisti nvoluti fi skandlu dejjem tiżdied : Manuel Mallia, Konrad Mizzi, Joe Mizzi, Helena Dalli, Ian Borg, Luciano Busuttil
 
L-aqwa parir li ngħata Muscat hu mill-poplu Malti u Għawdxi fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, li fihom, id-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas bin-nofs. Il-parir tal-poplu Malti u Għawdxi kien biex Muscat ma jibqax imexxi b’arroganza u bla standards. Pero’ minkejja li ngħata dan il-parir, Muscat għalaq għajnejh u widnejh, u l-istandards għadhom l-aktar baxxi fl-istorja politika Maltija,

Il-Prim Ministru ma semmiex lill-Ministru Anton Refalio iżda għażel li jattakka lill-PN dwar Giovanna Debono.

Dwar l-Univerista Amerikana f’Malta l-Prim Ministru ghazle li ma jirriferiex għad-dikjarazzjonijiet kotnroversjali u ċaħdiet li għamlet id-De Paul University dwar dan il-proġett u qal li l-universita l-ġdid se tattira numru kbir ta’ studenti barranin fis-setturi tar-riċerka. Hu qal li l-gvern għażel in-naħa t’isfel ta’ Malta u lest jiddiskuti alternattivi dwar is-sit.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-programm ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u qal li l-programm irċieva kważi 600 applikazzjoni. Skont il-Prim Ministru, il-persuni li qed japplikaw huma serjissimi u wara li jkunu ħallsu 650,000 Ewro bħala donazzjoni qed jikru jew jixtru porpjeta f’Malta u qed jidħlu f’kuntatt mas-soċjeta u jidħlu f’investimenti lokali.