Mario Calleja, is-Sindku ta’ Marsaskala, stqarr bl-aktar mod ċar li huwa favur il-pjan li tinbena Universita’ fiż-Żonqor f’art li hija barra ż-żona tal-iżvilupp.
F’kummenti li għadda lil MaltaRightNow Calleja sostna li hu jara dan il-proġett bħala wieħed produttiv.
Is-Sindku Laburista kompla jgħid li s’issa ma jeżistu l-ebda pjanti tal-proġett. Hemm biss indikata l-footprint tal-Universita’ fejn se ssir, u li tibda minn wara l-pixxina lejn iż-Żonqor, bi żvilupp imtarraġġ. Is-Sindku insista li diment illi dan il-bini ma jkunx eyesore għar-residenti hu ma jara xejn ħażin fil-proġett tal-Gvern.
Dwar dan il-bini kien hemm ukoll kritika għall-fatt li ma saritx konsultazzjoni. “Jien kont infurmat b’dawn il-pjani ġimgħa ilu”, sostna Mario Calleja. “Iżda ftit wara mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qaluli li aħjar ‘titkellmu magħna’ qabel issejjaħ laqgħa b’urġenza għall-Kunsill”.
Intant, dwar dan l-iżvilupp u oħrajn li hemm pjanati li jsiru f’ODZ, jidher li sa fl-aħħar hemm min lest isemma leħnu. Dan għaliex il-Moviment Graffiti qed jorganizza laqgħa nhar l-Erbgħa li ġej sabiex jiġu kunsidratti azzjonijiet konkreti li jistgħu jittieħdu biex jitwaqqaf żvilupp f’ODZ.
//= $special ?>