Miżuri ripetuti li ħadet il-linja nazzjonali tal-ajru l-AirMalta fl-aħħar xhur fil-konfront dirett tal-klijenti tagħha – fost l-oħrajn is-servizz fqir tal-ikel offrut abbord u li tfal minn sentejn ’il fuq qed ikollhom iħallsu biljett tal-ajru daqslikieku huma adulti – qed ikomplu jgħoddsu l-kwalità tas-servizz bil-periklu li l-AirMalta faċilment se titlef il-popolarità tagħha fis-suq Malti wkoll.
Mill-1 ta’ Mejju li għadda – u mingħajr notifika jew xi stqarrija biex biha tinforma lill-pubbliku b’mod inġenerali – il-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-AirMalta bdiet tiċċarġja bħala ħlas ta’ tfal minn sentejn ’il fuq bl-istess prezz tal-passiġġieri adulti. Qabel, it-tfal kienu jħallsu prezz ridott. Issa dan spiċċa u l-familji u l-koppji adulti li jkunu se jsiefru u jkunu jridu jieħdu magħhom lit-tfal tagħhom minn sentejn ’il fuq, se jkollhom iħallsu biljett tal-ajru identiku għall-passiġġieri adulti.
Dan il-fatt ipoġġi lill-AirMalta f’sitwazzjoni ta’ kompetittività ferm u ferm inqas milli kienet preċedentement. Qabel, il-familji bit-tfal żgħar kellhom inċentiv li jsiefru lit-tfal magħhom għaliex kien ikollhom iħallsu prezz ferm inqas milli jħallsu huma. Issa bil-miżuri li daħħlet l-AirMalta mill-1 ta’ Mejju li għadda, dan l-inċentiv spiċċa.
Sorsi fl-industrija li tkellmu mal-gazzetta Il-Mument fissru li l-AirMalta, imdawra b’kompetizzjoni ħarxa ħafna minn diversi linji tal-ajru low cost, qiegħda tispiċċa tirrendi lilha nnifisha anqas kompetittiva f’suq meqjus aggressiv. “Ma nifhmux kif l-AirMalta tista’ tasal biex tintroduċi miżura bħal din u mingħajr ebda konsultazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar se tpoġġi f’periklu u f’theddid l-istess kompetizzjoni mill-AirMalta,” saħqu dawk li kellmu Il-Mument.
Dan is-sors fisser li kemm-il darba din is-sitwazzjoni tibqa’ hekk, allura l-affarijiet ma jawguraw xejn sabiħ għall-AirMalta li tista’ timxi ’l quddiem biss jekk ikollha l-klijenti kuntenti. “Issa jekk il-klijenti tistmahom ħażin, allura awtomatikament iħalluk u jmorru jinqdew ma’ kumpaniji oħra tal-ajru low cost u ferm u ferm irħas mill-biljetti li tbigħ l-AirMalta.”
Sorsi fl-AirMalta meta kuntattjati minn Il-Mument fissru li dak li qed tkompli tagħmel il-kumpanija bħalissa hu li tkompli taqta’ mill-ispejjeż li għandha bit-tama li tirpilja mis-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra li tinsab fiha.
“Fortunatament l-isforzi li qed isiru jidher li qed iħallu riżultati inkoraġġanti għalkemm ma jfissirx li qed jintlaħqu l-miri, u dan minkejja li l-prezz internazzjonali tal-fuel kompla jkun stabbli u hekk il-kumpanija ffrankat miljuni ta’ ewro. Il-kumpanija ma tistax tibqa’ tqaċċat mis-servizzi li toffri sal-punt li lill-klijenti tittrattahom b’dan il-mod xejn pożittiv, għax imbagħad ma jkollhomx tort il-klijenti li jħabbtu bibien oħra.” Is-sors ta’ Il-Mument fl-AirMalta temm li sa issa l-miri finanzjarji fir-rigward tal-AirMalta ma nżammux bil-problemi kollha li sitwazzjoni xejn feliċi bħal din tista’ ġġib magħha. “Għalhekk jidher li qed isir sforz qawwi ieħor – u jalla jkun wieħed temporanju – biex ikomplu jitqaċċtu aktar spejjeż li għandha l-kumpanija.”
//= $special ?>