Lokali

Mistoqsijiet mhux mwieġba dwar iċ-ċittadinanza tal-mara ta’ Manuel Mallia

Elena Codruta Cristian – illum Elena Codruta Mallia li hija l-mara tal-eks-Ministru Manuel Mallia – kisbet iċ-ċittadinanza Maltija meta żewġha kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u meta kellu r-responsabbiltà tal-għoti taċ-ċittadinanza Maltija. Fl-istess waqt l-eks-Ministru Manuel Mallia u l-Ministru Carmelo Abela ma weġbux għal sensiela ta’ mistoqsijiet marbuta ma’ dan l-iskandlu.

Dan ifisser li Elena Codruta Mallia, oriġinarjament ta’ ċittadinanza Rumena, fi żmien sentejn minn meta ngħaqdet fiż-żwieġ ma’ Manuel Mallia, kienet diġà ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija. Dan jikkuntrasta ħafna ma’ dak li tgħid il-Liġi Maltija dwar iċ-Ċittadinanza li tgħid bl-aktar mod ċar li persuna barranija li tiżżewweġ persuna Maltija tista’ tingħata ċ-ċittadinanza Maltija biss kemm-il darba jgħaddi perijodu ta’ ħames snin mid-data taż-żwieġ.

Dan sar biex l-awtoritajiet ikollhom rashom mistrieħa li ma jsirux żwiġijiet ta’ konvenjenza biex koppja, parti Maltija u parti barranija, tingħaqad fiż-żwieġ ħalli l-parti barranija tikseb awtomatikament iċ-ċittadinanza Maltija. Iżda l-perijodu ta’ ħames snin mid-data taż-żwieġ isservi biex dik il-koppja ta’ parti Maltija u parti barranija tgħaddi numru ta’ snin f’relazzjoni stabbli qabel mal-Istat joħroġ iċ-ċittadinanza Maltija lill-parti barranija magħquda fiż-żwieġ.

Fl-isfond ta’ dak li tgħid il-Liġi Maltija dwar iċ-Ċittadinanza jfisser li fil-każ ta’ Elena Codruta Mallia dan ma kienx osservat għaliex filwaqt li ma kienx għadda l-perijodu ta’ ħames snin, din ingħatat il-privileġġ taċ-Ċittadinanza Maltija fi żmien sentejn biss minn meta żżewġet lill-eks-Ministru Manuel Mallia.

L-affarijiet ikomplu jistogħnaw meta wieħed jifhem tajjeb li dan il-privileġġ ingħata lil Elena Codruta Mallia fil-perijodu li Manuel Mallia kien il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali b’responsabbiltà diretta wkoll fil-portafoll tiegħu għall-għoti taċ-Ċittadinaza Maltija.

Lil hinn minn dan ix-xenarju hemm imbagħad xenarju ieħor importanti li wieħed ma jridx jinsa – dak li biex Elena Codruta Mallia ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija fi żmien daqstant qasir ifisser li hi qabżet bosta u bosta oħra li tħallew jistennew milli jingħataw iċ-ċittadinanza biex qabilhom inqdiet il-mara tal-eks-Ministru Manuel Mallia!

F’kumment lil gazzetta Il-Mument Simon Busuttil staqsa dwar kif il-mara tal-eks-Ministru Manuel Mallia ngħatat iċ-ċittadinaza Maltija sentejn biss wara ż-żwieġ bejnha u bejn Manuel Mallia meta ħaġa bħal din, anki stipulata fil-Liġi, tista’ sseħħ biss wara ħames snin mid-data taż-żwieġ. Simon Busuttil irriafferma l-ħsibijiet tiegħu li dan il-każ jikkostitwixxi abbuż sfaċċat ieħor mill-eks-Ministru Manuel Mallia u ħeġġeġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jaġixxi b’mod immedjat u juri bis-serjetà li hu ma jaċċettax dawn it-tip ta’ abbużi. Hu qal li dak li ġara f’dan il-każ hu li l-mara tal-eks-Ministru Manuel Mallia, għaliex hi proprju l-mara tal-Ministru Manuel Mallia, ingħatat trattament preferenzjali u flok stenniet kif suppost għamlet, ingħatat iċ-ċittadinanza Maltija fi żmien sentejn biss minn meta żżewġet.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu fi stqarrija, Manuel Mallia qal li ma kien hemm xejn irregolari fil-mod kif martu kisbet iċ-ċittadinanza Maltija. Manuel Mallia spjega li martu applikat għaċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 10 (1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188) u mhux abbażi taż-żwieġ tagħha miegħu. Persuni barranin jistgħu japplikaw taħt dan l-artikolu jekk ikunu ilhom jgħixu Malta għal ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni, u l-mara tiegħu ssodisfat din il-kundizzjoni.Hu żied li tul il-leġiżlatura preċedenti, il-policy stabbilità kienet li jintlaqgħu talbiet minn persuni li ilhom jgħixu Malta għal għaxar snin u għandhom tfal li huma ċittadini Maltin, anke jekk dawn il-persuni ma jkunux miżżewġin. Dan dejjem jekk il-persuni inkwistjoni jkollhom kondotta tajba u ma jkunux involuti fi kwistjonijiet li jmorru kontra l-interess pubbliku Filwaqt li qal li din il-policy inżammet ukoll mill-Gvern preżenti, Manuel Mallia żied li martu kienet ilha tgħix Malta għal għaxar snin qabel ma ssottomettiet l-applikazzjoni u għandha wkoll tliet ulied li huma ċittadini Maltin, minbarra l-fatt li hi miżżewġa ċittadin Malti. Id-Deputat Laburista qal li t-talba tagħha ma ġietx approvata minnu u ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza tagħha ma kienx iffirmat minnu iżda b’mod indipendenti mingħajr l-intervent tiegħu. Għalhekk ma kien hemm xejn li mhux f’loku fil-kisba taċ-ċittadinanza tal-mara tiegħu, temmet l-istqarrija.

Il-Mument fi storja spjegat li f’nofs din il-ġimgħa għamlet kuntatt b’e-mail mal-eks-Ministru Manuel Mallia u mal-Ministru Carmelo Abela responsabbli mill-ħruġ taċ-ċittadinanza, iżda t-tnejn li huma ma weġbux għall-mistoqsijiet mibgħuta lilhom.