Din il-ġimgħa kompliet toħroġ id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista fl-istil ta’ politika u standards politiċi. Il-Partit Nazzjonalista kompla juri biċ-ċar li l-istandards tiegħu huma differenti għal kollox mill-istandards tal-Partit Laburista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’diskors politiku fin-Nadur, attivita li kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
Simon Busuttil qal li r-riżenja ta’ Giovanna Debono mill-Partit Nazzjonalista u mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista kien episodju diffiċli għax tratta persuna li tat ħajjitha għall-politika, partikolarment għal Għawdex. Iżda kien episodju li wera l-istandards għoljin li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li min ikun fil-politika għandu jkollu l-ogħla standards, u ħafna drabi l-istandards mhux biss iridu jkunu tajbin, imma jidhru li huma tajbin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lil Giovanna Debono għas-snin twal ta’ servizz li tat lill-politika Maltija u partikolarment lil Għawdex u żied li minkejja li m’hijiex akkużata jew ikkundannata hi stess, il-pożizzjoni tagħha ma baqgħet tenibbli u kien hemm il-bżonn li jittieħed dan il-pass.
Saħaq li r-riga tiegħu hi ċara: riga dritta, li ma titgħawwiġ, li hi serja u li tiġi applikata għal kulħadd bl-istess mod.
“Miegħi taf fejn qiegħed, u kull min ikun fil-politika għandu jsegwu l-ogħla standards tal-politika; inkella għandu jsir pass lura” saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
B’kuntlarju, żied jgħid Simon Busuttil, il-Partit Laburista m’għandux standards, jew inkella għandu riga li titgħawweġ u tkejjel skont il-preferenza.
Kien hawnekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni elenka lista’ ta’ każijiet li juru l-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ lura milli japplika l-istandards li l-poplu jistenna mill-politiċi.
Fost l-oħrajn, semma l-każ ta’ Cyrus Engerer, li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell u li ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi. Minkejja dan, Joseph Muscat bagħat lill-Engerer bħala l-Mibgħut Speċjali tiegħu fi Brussell.
Każ ieħor kien il-mod kif il-mara tal-eks Ministru Manwel Mallia ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija u staqsa kif għadu fil-grupp Parlamentari meta hemm dan il-kunflitt ta’ interess straordinarju.
Semma’ wkoll il-mod kif il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi intbgħatet Konslu Ġenerali f’Shanghai b’salarju ta’ €13,000 fix-xahar u li dan l-aħħar sar magħruf li nxtratilha propjeta’ ta’ €2 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu Malti. Minkejja dan, għall-Prim Ministru Joseph Muscat, m’hemm xejn ħażin li l-mara tal-ministru tingħata dan il-pakkett finanzjarju mit-taxxi tal-poplu.
Fakkar ukoll fil-każ tal-Ministru Helena Dalli, li kien qed isir xogħol illegali fuq propjeta’ tagħha u li għal Joseph Muscat qisu xejn m’hu xejn. Bl-istess mod kif xejn m’hu xejn għal Joseph Muscat li l-Ministru Owen Bonnici ma rriżenjax mill-kariga tiegħu sakemm kellha tinstema’ kawża kriminali l-Qorti fil-konfront tiegħu.
L-anqas fil-każ tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg ma ttieħdu passi, minkejja li tqabbeż il-kju biex inħariġlu permess għal żvilupp ta’ propjeta’ f’art ambjentalment sensittiva. U fil-każ tad-Deputat Laburista Luciano Busuttil il-Qorti tal-Appell qalet li kien involut f’każ kbir ta’ kunflitt ta’ interess, iżda minkejja dan kollu, għall-Prim Ministru Joseph Muscat qisu xejn m’hu xejn.
Simon Busuttil qal li Muscat irid riga dritta għall-Partit Nazzjonalista, iżda l-istess riga jrid jgħawwiġa għall-partit tiegħu stess. Jippretendi standards għoljin mill-Partit Nazzjonalista, iżda fl-istess waqt, il-Partit tiegħu stess għandu l-iktar standards baxxi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li b’dan kollu, il-Prim Ministru m’għandu l-ebda awtorita’ morali li jkeċċi lil sħabu meta kien hu stess li approva l-għotja ta’ €4.2 miljuni għall-Cafe’ Premier.
Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-Universita’ tan-Nofsinhar, l-‘American University of Malta’ u qal li dan hu każ ieħor fejn il-poplu qed jistaqsi ħafna mistoqsijiet.
Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed isus fuq dan il-proġett biex toħroġ il-verita’ kollha, filwaqt li saħaq li dan il-proġett f’Wied il-Għajn mhuwiex investiment edukattiv, imma proġett biex tkun żviluppata biċċa art verġni.
Filwaqt li sostna li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra investimenti edukattivi, saħaq li kull tip ta’ żvilupp għandu jsir f’żoni fejn l-ambjent ma jkunx mgħarraq.
Qal li hu ironiku kif fl-istess jiem li l-Partit Nazzjonalista ħareġ abbozz ta’ liġi li jħares illum, għada u t-tfal tagħna, Muscat ħareġ b’inizjattiva li tgħarraq illum.
Dwar Għawdex, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed joħloq pjan u strateġija ġdida għall-Partit Nazzjonalista f’Għawdex li se tkun qed titwettaq fix-xhur li ġejjin, partikolarment bil-ħidma ta’ Chris Said li mhux se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jiddedika l-enerġija kollha tiegħu fuq il-gżira Għawdxija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jkun viċin in-nies għax din hi ċ-ċavetta tas-suċċess. Qal li se tkompli ssir ħidma biex il-Partit Nazzjonalista mhux biss jerġa’ jsir id-dar naturali ta’ Għawdex, iżda jkun il-partit li fih il-poplu Malti u Għawdxi kollu jħossu komdu fih bl-għan li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun kif jixraqlu l-partit tal-poplu.
“M’għandix dubju li jekk nuru lill-poplu li qegħdin hemm għalih, meta tiġi l-elezzjoni ġenerali, il-poplu jkun hemm għalina għax ikun jemmen li l-Partit Nazzjonalista hu l-għażla naturali tagħhom” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
//= $special ?>