Lokali Parlament

Appell għad-diċenza u t-trasparenza

Il-Gvern għandu jippubblika l-istudju ta’ kif il-MEPA waslet għall-għażla tal-art biex fuqha tinbena l-università privata f’Wied il-Għajn

Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici appella fil-Parlament lill-Gvern li jekk irid jimxi b’diċenza u trasparenza fl-istorja mtappna b’dubji kbar tal-università privata Amerikana li dan il-gvern irid li tinbena fin-Nofsinhar ta’ Malta, jippubblika l-istudju ta’ kif il-MEPA waslet għall-għażla ta’ din il-medda art; juri d-dettalji inkluż it-timeline ta’ kif saru l-kuntatti ma’ Sadeen Group; u jgħid min kienu l-Maltin involuti f’dawn in-negozjati.

Il-Gvern għandu jiddikjara wkoll jekk ma’ dan il-grupp ta’ kumpaniji mill-Ġordan, jew parti minnu, hux għaddejin taħditiet dwar proġetti oħrajn, inkluż dawk marbutin mal-qasam tas-saħħa. Għandu jgħid ukoll x’konsultazzjonijiet saru lokalment dwar dan il-proġett u ma’ min. Sfida lill-Partit Laburista jagħmel ukoll dikjarazzjoni li fl-ebda mod qatt ma ngħata kontribuzzjoni finanzjarja la mill-Grupp Sadeen u lanqas minn individwi assoċjati miegħu.

Proġett ta’ spekulazzjoni tal-art
Meta tkellem fl-aġġornament tas-seduta parlamentari tal-lejla, id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici saħaq li dan mhux investiment fl-edukazzjoni, iżda proġett ta’ spekulazzjoni tal-art; hu attakk ieħor fuq l-ambjent; u opportunità oħra biex il-Gvern jaqdi l-ħbieb u l-ħbieb tal-ħbieb.

Sejjaħ il-proġett fażull għax mhux veru li warajh se jkun hemm università ta’ reputazzjoni imma kumpanija ta’ kostruzzjoni.

Il-wiċċ wara dan il-proġett hu żviluppatur ta’ lukandi
Fisser li qabel u meta tnieda dan il-proġett ingħatat l-impressjoni li dan kien xi investiment Amerikan f’Malta; u li l-American University of Malta kienet se tkun xi fergħa ta’ De Paul University f’Malta.

Charlò Bonnici fisser li r-realtà hi ‘l bogħod minn hekk. Il-wiċċ wara dan il-proġett – Hani Hasan N. Salah, hu żviluppatur ta’ lukandi; għandu 99% tal-ishma ta’ Sadeeen Education Investment Ltd li ġiet reġistrata f’Malta s-sena li għaddiet.

Inċidentalment fl-istess perjodu ġiet reġistrata f’Malta kumpanija oħra, Sadeen Rehabilitiation Services (Malta). Kumbinazzjoni wkoll f’Marzu li għadda l-Prim Ministru ħabbar li fl-Isptar San Luqa se jinfetaħ ċentru ta’ riabilitazzjoni. Kumbinazzjoni wkoll smajna biss kemm se jiġu investiti fil-proġett kollu imma s-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess kienet għadha trid toħroġ.

F’ġieħ it-trasparenza, appella d-Deputat Nazzjonalista, il-Gvern għandu joħroġ id-dettalji kif u meta bdew il-kuntatti ma’ Sadeen Group, u x’rabta hemm bejn dan il-proġett u dak li ġie kwotat il-Prim Ministru meta f’Marzu 2010 maqdar is-sistema edukattiva f’Malta u wera t-tama li l-Università ta’ Malta jkollha l-kompetizzjoni. Staqsa wkoll min kien involut fit-taħditiet li waslu għal dan il-ftehim mal-kumpanija tal-kostruzzjoni.

L-impressjoni li ta l-Gvern hi ‘l bogħod ħafna mill-verità
Spjega li meta ssemma dan il-proġett ingħatat l-impressjoni li De Paul Univerity kienet se tiftaħ fergħa f’Malta; u li din l-univeristà bbażata f’Chigago kienet se tiftaħ kampus f’Malta.

Iżda ftit tal-jiem wara bdiet toħroġ il-verità. L-istess università kkonfermat li mhux se tiftaħ kampus f’Malta; mhux se tagħti degrees lil min jiggradwa f’Malta; u li għamlet biss kuntatt mal-kumpanija Sadeen Education Investment Ltd biex din tipprovdilha materjal kurrikulari inizzjali għal ħames baċellerati, programm ta’ MBA u erba’ programmi f’livell ta’ dottorat.

Irriżulta wkoll li Sadeen Education Investment Ltd ssottomettiet lill-awtorità kompetenti Maltija applikazzjoni biex tingħata liċenzja ħalli topera dik li qed tissejjaħ ‘l-Università Amerikana ta’ Malta’ – l-ewwel bħala istituzzjoni għall-edukazzjoni ogħla u wara bħala università.

Kontra kull impressjoni li ta l-Gvern, saħaq Charlò Bonnici, De Paul University ma ffirmaw l-ebda kuntratt ma’ Sadeen Education Investment Ltd; ma kkommettew bl-ebda mod la dawk li huma finanzi, la art, bini, infrastruttura jew programmi minn tagħhom; mhux se jkunu involuti fl-operazzjonijiet tal-American Univeristy of Malta; mhux se talloka l-ebda membru tal-istaff tagħha fl-università li se tiftaħ Malta u lanqas mhu se tingaġġa hi lecturers u staff għal din l-università.

Inkixef ukoll kif De Paul University ma kellha l-ebda sehem fl-identifikazzjoni tal-art fejn se tinbena l-università u li m’awtorizzat lil ħadd biex juża isimha.

Charlò Bonnici rrimarka li dan hu ‘l bogħod ħafna mill-impressjoni li nagħatat mill-Gvern Malti. Tenna li fl-American University of Malta ma jidher li hemm xejn Amerikan.

€100 miljun art lil żviluppatur, kbira kważi daqs l-Università ta’ Malta
Dwar l-art li l-Gvern irid jibni fuqha din l-università fin-Nofsinhar ta’ Malta, Charlò Bonnici spjega li ġiet identifikat medda art barra z-zona tal-iżvilupp, 90,000 metru kwadru, kbira kważi daqs l-Università ta’ Malta bid-differenza li hi faċċata tal-baħar.

Filwaqt li semma li b’kumbinazzjoni wkoll, is-sidien ta’ artijiet f’din iz-zona f’Wied il-Għajn huma laburisti magħrufa, ikkritika li l-Gvern reġa’ ħareġ bi proġett li jgħarraq l-ambjent u li l-NGOs sejħu l-konsultazzjoni bħala fażulla, eżerċizzju ta’ marketing li bih il-Gvern qed jaħlilhom ħinhom hekk il-gvern se jagħti b’kemm tiswa €100 miljun art lil żviluppatur.