Awgurju li l-Abbozz ta’ Liġi għal Azzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima ma ssibx l-istess destin tal-Kummissjoni ta’ Gwardjani għall-Ġenerazzjonijiet Futuri
Il-Gvern mhux biss għandu jassigura li pajjiżna jilħaq il-miri internazzjonali biex tiġi miġġielda l-isfida għat-tibdil tal-klima, iżda wkoll għandu jwaqqaf mekkaniżmu li jidentifika kif għandna nindirizzaw setturi u sfidi li dwarhom bħala pajjiż għandna nieħdu azzjoni konkreta u għat-tul, b’miri u proġetti li jiġu kontinwament aġġustati.
Il-proposta lill-Gvern tressqet mid-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici, meta tkellem fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar Azzjoni fuq il-Klima.
Irrimarka li l-Abbozz imressaq fil-Parlament kif propost mill-Gvern, ma jaħsibx għal mekkaniżmu indipendenti minn dak Ewropew u globali li seta’ jgħin biex nidentifikaw setturi u zoni biex dwarhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi.
Fisser li dan hu suġġett ukoll li kien diskuss mill-Parlament meta tnediet l-istrateġija dwar l-addattament dwar it-tibdil fil-klima mill-Gvern Nazzjonalista.
Filwaqt li bħala pajjiż żgħir spjega li hawn min jargumenta li aħna qatt ma nistgħu nagħmlu differenza fl-isfida dinjija fit-tibdil tal-klima, hu fatt iżda li dan is-settur jista’ jagħmilna skoperti għall-effetti tat-tibdil fil-klima – bħalma hu fil-każ tal-livelli tal-baħar dejjem jogħlew bl-effett tat-temperaturi dejjem ogħla hu aktar maltempati.
Il-Gvern ftit qed joffri perspettiva kif pajjiżna jista’ jieħu azzjonijiet u inċentivi
Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel mal-Att propost mill-Gvern, tinnota li l-Gvern ftit qed joffri perspettiva kif pajjiżna jista’ jieħu azzjonijiet u inċentivi li jistgħu jgħinu kemm lilna bħala poplu kif ukoll lill-industrija. Ir-realtà hi li llum, pajjiżna bħala membru tal-Unjoni Ewropea, hu marbut b’miri u b’azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-azzjoni globali għat-tibdil fil-klima.
Osserva li l-Att innifsu ma jaħsibx għal mekkaniżmu indipendenti minn dak Ewropew u globali li seta’ jgħin biex nidentifikaw setturi u zoni biex dwarhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi.
Mekkaniżmu li jista’ jkejjel il-miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u nnaqqsu l-vulnerabbiltà lejn it-tbdil fil-klima. Dan seta’ jkun għodda li bih il-poplu jkejjel l-impenn għal azzjoni dwar il-klima. Sal-lum, irrimarka Charlò Bonnici, irridu naraw biss jekk il-Gvern ikunx qed iwettaq l-obbligazzjonijiet internazzjonali tiegħu.
Ħtieġa ta’ mekkaniżmu indipedenti li jindirizza l-ħtiġiet ta’ pajjiżna
Għalkemm din hi sfida importanti, sfida akbar hi li bħala pajjiż ikollna mekkaniżmu indipedenti li jindirizza s-sitwazzjonijiet u l-ħtiġiet ta’ pajjiżna. Dan ikun għodda importanti biex isiru miri u proġetti konkreti għas-snin li ġejjin li jistgħu jiġu kontinwament aġġustati għat-titjib tal-ambjent, iħallu impatt soċjoekonomiku pożittiv, u jiggwida lill-Gevrn għal azzjoni konkreta dwar il-klima f’pajjiżna.
Mekkaniżmu li jindirizza wkoll oqsma ta’ importanza għall-attività ekonomika ta’ pajjina bħalma hu l-qasam tat-trasport biex ikun aktar nadif, u biex l-agrikoltura tkun protetta aktar. Dan mhux impossibbli għalkemm mhux faċli.
Flwaqt li semma l-eżempju tas-Slovenja u tar-Renju Unit li rnexxielhom jagħmlu dan il-mekkaniżmu, Charlò Bonnici appella biex pajjiżna wkoll jinvesti u jipprovdi struttura għar-riċerka u l-iżvilupp.
Id-Deputat Nazzjonalista awgura li din il-liġi ma ssibx l-istess destin tal-Kummissjoni ta’ Gwardjani għall-Ġenerazzjonijiet Futuri li spiċċat fix-xejn b’riżenji tal-membri kollha għaliex ma kellhomx l-appoġġ ta’ riżorzi u finanzi mill-gvern.
//= $special ?>