Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għamilha ċara li l-Università DePaul mhijiex involuta direttament fil-proġett propost fin-Nofsinhar ta’ Malta u “min ta din l-impressjoni għamel ħażin”.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni kien qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ MaltaRightNow.com jekk jaħsibx li l-Prim Ministru Joseph Muscat daħak bin-nies meta qal li se jkun hawn Università Amerikana meta l-Università DePaul stqarret li mhijiex involuta.
Evarist Bartolo qal li l-ewwel kuntatti dwar dan il-proġett saru madwar sena ilu. U mistoqsi jaqbilx li dan il-proġett isir fuq art verġni barra miż-Żona tal-Iżvilupp, il-Ministru Evarist Bartolo qal li anke jekk tonqos għalqa waħda jiddispjaċih. Hu nsista li d-deċiżjoni dwar il-post għadha mhix waħda finali, minkejja li t-taħdidiet ilhom għaddejjin kważi sena u l-ġimgħa li għaddiet kien iffirmat ftehim.
Mistoqsi jekk hux sew li dan l-operatur privat jiġi aġevolat meta oħrajn kellhom jidħlu fis-suq u jixtru propjetà mill-privat biex iħaddmu istituzzjoni edukattiva, Evarist Bartolo qal li dawn l-istituzzjonijiet ingħataw kuntratti pubbliċi li jiswew il-miljuni tal-ewro u għaldaqstant “ma jistgħux jilgħabuha tal-vittmi”.
//= $special ?>