Li l-Parlament issa għandu d-dar tiegħu hu pass importanti fil-mixja lejn awtonomija sħiħa. Stqarr dan l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia meta laqa’ grupp ta’ studenti mill-Iskola Sekondarja Ogħla Sir Mikiel Anġ Refalo ta’ Għawdex. Iż-żjara kienet organizzata bħala parti mill-istudji tagħhom fis-Systems of Knowledge.
Anġlu Farrugia qal li bħalissa hemm Abbozz ta’ Liġi dwar is-Servizzi Parlamentari, li permezz tiegu l-Parlament ikompli jikseb aktar awtonomija, speċjalment fil-finanzjament tiegħu. Qal li d-Daħla tal-Parlament se tkun qed tospita esibizzjoni permanenti u interattiva dwar l-istorja tal-Parlament Malti mill-għoti tal-Kostituzzjoni tal-1921, li wasslet għall-ewwel Assemblea b’rappreżentanti eletti mill-Maltin.
L-istudenti Għawdxin żaru wkoll il-Kamra tad-Deputati, fejn issir is-sessjoni Plenarja. Hawn, l-Ispeaker spjega l-proċess ta’ kif tgħaddi Liġi, il-votazzjoni, kif Abbozz jitpoġġa fuq l-aġenda tal-Kamra, kif ukoll il-ħidma tal-Kumitati Parlamentari. Fl-aħħar taż-żjara, l-Ispeaker ingħata pittura li tissimbolizza lill-Belt Valletta bħala tifkira. Il-pittura hi xogħol l-artist Għawdxi Mark Sagona.
//= $special ?>